Diskussjoni dwar Lawrence Cutajar tfixkel l-andament tal-investigazzjoni tal-Qorti – L-Ispeaker

L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia ċaħad it-talba tal-Oppożizzjoni biex l-aġenda parlamentari tkun sospiża. L-Oppożizzjoni pproponiet li l-kamra tiddiskuti l-aħħar żviluppi li ħarġu mill-Qorti dwar l-involviment tal-eks Kummissarju tal-Pulizija fl-investigazzjoni tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Farrugia qal li fid-dawl tad-digriet li ngħata mill-Maġistrat Rachel Montebello li poġġiet lil Cutajar taħt investigazzjoni, jekk id-dibattitu jitħalla jsir, hu m’għandux garanzija li d-diskussjoni ma tippreġudikax l-istess investigazzjoni. “Kull materja li tkun taħt investigazzjoni jew sub-judice tista’ tfixkel l-andament b’mod ħieles tal-istess investigazzjoni li waslet f’mument kritiku”, kompla jgħid l-Ispeaker.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia talab lill-Ispeaker biex jisspospendi l-aġenda parlamentari skont l-ordni permanenti 13. Huwa qal li fis-17 ta’ Jannar, il-Prim Ministru kien neħħa lil Cutajar minn Kummissarju filwaqt li rringrazzjah tal-ħidma tiegħu u faħħar is-sens ta’ rġulija li mexa biha. Delia qal li madanakollu kif ħareġ mill-qorti jidher li Cutajar ittradixxa l-ġurnament li ħa bħala kummissarju, li jkun leali lejn il-poplu Malti. Aktar minn hekk, dakinhar stess, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri ħatru bħal konsulent tiegħu.

Il-Prim Ministru Robert Abela wieġeb billi qal li l-Oppożizzjoni għandha opportunità li tidher quddiem il-Public Appointment Committee u tagħmel kull domanda li tixtieq lill-kummissarju li għażlu, iżda l-Oppożizzjoni qed tabdika minn din ir-responsabilità. Huwa qal li l-Oppożizzjoni trid tagħmel dibatittu li jista’ jkollu reperkussjonijiet fuq l-investigazzjonijiet li qed isiru fil-konfront ta’ Lawrence Cutajar.

Il-Whip Laburista Glenn Bedingfield qal li filwaqt li l-Gvern jaqbel li din hi materja definita u ta’ importanza nazzjonali ma jarax l-urġenza li d-dibattitu jsir illum. Hu kkwota lill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi li fil-kapaċità tiegħu bħala speaker kien ta ruling fejn qal li d-definizzjoni urġenti tfisser li jekk id-dibattitu ma jsirx dakinhar, tintilef kull opportunità li ssir f’data oħra. Huwa kkwota ruling ieħor tal-Ispeaker attwali fejn dan kien stqarr li dibattitu li jsir barra minn ħinu jista’ joħloq kriżi kostituzzjonali.

Delia stqarr li l-Oppożizzjoni ilha tistenna 32 xahar għal dan id-dibattitu meta dakinhar kienet talbet għar-riżenja tal-kummissarju tal-pulizija. Huwa qal li l-PN qed jitlob li d-dibattitu jsir b’mod urġenti minħabba l-preġudizzju rreparabbli li qed jinħoloq, fejn il-Pulizija mhux qed tiggarantixxi lill-poplu Malti li se ssir ġustizzja fl-iktar każ serju, makabru u drammatiku li seħħ f’Malta.

L-investigazzjoni li ġiet ordnata mill-Maġistrat Rachel Montebello fuq l-eks kummissarju Cutajar tqajmet ukoll waqt il-ħin tal-mistoqsijiet meta fuq mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, il-Ministru Byron Camilleri stqarr li hu ħa d-deċiżjoni biex l-ewwel jissospendi u eventwalment jittermina l-kuntratt ta’ konsulenza ta’ Cutajar abbażi tal-informazzjoni li kienet fid-dominju pubbliku u mhux għaliex irċieva informazzjoni interna mill-Pulizija.

L-atmosfera saħnet mill-ewwel fil-Parlament tant li Jason Azzopardi għajjat lil Lawrence Cutajar bl-isem ta’ Lawrence Pullicino – l-eks kummissarju tal-Pulizija li nstab ħati fil-qtil ta’ Nardu Debono meta kien fil-kustodja tal-Pulizija u għal liema reat kien weħel il-ħabs. Hu ammetta l-iżball u stqarr li kien każ ta’ Freudian slip.

Hu staqsa jekk Camilleri talabx lill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Carmelo Magri biex jinvestiga lil Cutajar wara li dan tal-aħħar biddel in-numru tal-mobile wara li tpoġġa taħt investigazzjoni mill-Qorti. Id-deputat Karol Aquilina staqsa lill-Ministru jekk kienx se jerfa’ r-responsabilità politika wara li kien ħatar lil Cutajar konsulent fil-ministeru li taħtu jaqa’ l-Korp tal-Pulizija.

Camilleri qal li jidher li fil-Parlament kien hemm żewġ linji ta’ ħsieb, però ma jaqbilx ma’ min jaħseb li l-Ministru għall-Intern għandu jindaħal u jiddetta lill-Korp tal-Pulizija x’investigazzjonijiet għandu jagħmel.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa x’kienu r-raġunijiet tal-ħatra ta’ Cutajar bħala konsulent tal-Ministru. Il-Ministru qal “lili tistgħu tikkritikawni talli offrejtlu l-kuntratt iżda żgur mhux li ddeċidejt li nitterminah.” Il-Ministru kompla jgħid li ħafna jistaqsuh kif Cutajar lanqas investiga lil dak ta’ Soho (b’referenza għal dak li kienet kitbet Daphne Caruana Galizia fuq Delia). Delia wieġeb li hu flimkien ma’ Chris Said kienu għamlu mozzjoni fil-Parlament li Camilleri kien ivvota kontriha biex jiġu investigati l-allegazzjonijiet kollha li saru minn Caruana Galizia fil-kitbiet tagħha.

Wara l-ħin tal-mistoqsijiet Delia talab għal stqarrija tal-Prim Ministru fid-dawl tal-kummenti li kien għadda l-istess Abela filgħodu, dwar li talab lil Chris Cardona jirriżenja minn deputat mexxej tal-Partit Laburista. Delia qal li dan l-aġir tal-Prim Ministru jikkuntradixxi stqarrija li għamel il-Prim Ministru ftit tal-jiem ilu meta stqarr li Cardona mhu ħa jagħmel qatt ħsara lill-Partit Laburista. L-istqarrija tal-Prim Ministru ma saritx iżda l-qiegħa saħnet tant li l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius intalab jirtira kumment li għadda fil-konfront tal-Ispeaker li skontu kien qed jiddefendi lill-Ministru Camilleri daqslikieku kien missieru.