Diskussjoni dwar l-eżempji ideali għal ħajja aħjar

Suġġetti bħat-trobbija tat-tfal, il-karriera tal-omm, ir-rwol tal-omm u l-missier fil-familja u anke persuni li jinfluwenzak fil-ħajja, kienu fiċ-ċentru ta’ diskussjoni li saret illum fl-Universita ta’ Malta.

Fost il-kelliema kien hemm preżenti l-Ambaxxatriċi Amerikana għal Malta Gina Abercrombie-Winstanley. Tkellmet dwar l-importanza li ż-żgħażagħ ikollhom eżempju fuq min jimxu.

L-Ambaxxatriċi semmiet kif fl-Istati Uniti ftit huma n-nisa li għandhom pożizzjoni għolja fid-dinja tax-xogħol. Semmiet ukoll li l-irġiel għandhom jagħrfu li huma għandhom jagħtu kontribut, u mhux biss għajnuna fix-xogħol tad-dar.

Preżenti għal din id-diskussjoni kien hemm ukoll il-Kap tad-Dipartiment tal-Qwiebel Dr Rita Borg Xuereb. Tkellmet dwar jekk it-tfajliet Maltin għandhomx eżempji tajbin fuq min jimxu.

Id-diskussjoni ttellgħet mill-membri tal-Kumitat tal-Gender Issues Committee u preżenti kien hemm diversi nisa b’karriera, fosthom bosta lecturers fl-Università.