Diskussjoni abort: Tonio Borg jiċħad dak li qal il-PM

Tonio Borg, l-Eks Viċi Prim Ministru u l-Eks Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u għall-Affarijiet tal-Konsumatur ċaħad “bil-qawwa kollha” li waqt is-smigħ fil-Parlament Ewropew fit-13 ta’ Novembru 2012 biex isir Kummissarju  Ewropew  kien qal “li Malta mod u barra mod ieħor” meta kien mistoqsi dwar l-abort.
Borg kien qed jirreaġixxi għad-diskors li qal dwaru l-Prim Ministru waqt attività politika f’San Ġiljan.
F'kummenti lil Newsbook.com.mtTonio Borg sostna li huwa qatt ma qal dak li allega l-Prim Ministru. Żied jgħid li qal “illi il-materja tal-abort hija kwistjoni mħollija bit-Trattati f’idejn l-istati membri u il-Kummissjoni ma setgħetx tindaħal fil-materja”. Qal ukoll li kien għamilha ċara li ma kienx se jarmi l-prinċipji tiegħu biex jigi approvat bħala Kummissarju.   
“Tant dan kien minnu” qal Borg  “li diversi membri parlamentari Ewropej (mhux Maltin) ivvotaw kontra l-approvazzjoni tiegħi minħabba l-pożizzjoni tiegħi favur il-ħajja u kontra l-abort.”
Fil-fatt kienu diversi membri tal-gruppi tal-Ħodor, Liberali u Soċjalisti fi ħdan il-Parlament Ewropew li waqt li ammettew li waqt il-grilling tiegħu Borg kien wera kemm huwa kompetenti, huma kienu dubjużi dwaru minħabba, fost l-oħrajn, il-pożizzjoni tiegħu kontra l-abort.
F’Mejju tal-2005 meta Tonio Borg kien Ministru tal-Intern u tal-Ġustizzja huwa kien ħabbar l-intenzjoni tal-Gvern illi l-liġi li tipprojbixxi l-abort f’Malta tkun parti mill-Kostituzzjoni, jiġifieri tkun tista’ tiddaħħal biss jekk ikun hemm żewġ terzi tal-membri tal-Parlament favur tagħha. Huwa kien qal illi jressaq din il-proposta biss jekk ikun ċar illi l-Oppożizzjoni Laburista tkun favur tagħha.
Marie-Louise Coleiro Preca, dakinhar Membru Parlamentari Laburista, kienet tkellmet favur il-proposta u qalet li se tagħmel lobbying favur tagħha fil-Grupp Parlamentari Laburista. Il-proposta ma tressqitx għax il-Gvern ma kienx assigurat li l-Oppożizzjoni Laburista kienet se tivvota favur tagħha.