Diskussi tħejjiet għal titjiriet diretti bejn Malta u l-Libja

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, Chrisopher Cutajar, pparteċipa f’bosta laqgħat fil-Libja matul l-aħħar jiem fejn ġew diskussi l-kordinament fil-qasam tal-immigrazzjoni u l-kummerċ.

Il-laqgħat saru fil-belt kapitali Tripli u l-belt ta’ Misurata.

F’laqgħa mad-Direttur għall-Koperazzjoni Internazzjonali fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Ahmed Eddeb, id-delegazzjoni ddiskutiet ukoll metodi biex iż-żewġ partijiet ikunu jistgħu  jħejju sabiex ikun hemm titjiriet diretti bejn Malta u l-Libja, bl-għan li jkun iżjed faċli li wieħed jasal u jiġi mil-Libja b’rispett sħiħ għall-miżuri tas-sigurtà meħtieġa. Dan għandu jwassal biex jerġa’ jibda jirpilja l-investiment Libjan f’Malta u dak Malti fil-Libja.

Ġie diskuss ukoll il-kordinament bejn iż-żewġ pajjiżi fil-qasam tal-immigrazzjoni flimkien mad-Deputat Ministru tal-Intern Al Shaibani sabiex ikompli jkun imħares it-twettiq tal-ftehim ta’ kollaborazzjoni li sar iżjed kmieni din is-sena.

Ġewwa Misurata saret laqgħa mal-gvern lokali, li matulha ż-żewġ naħat tkellmu dwar ir-rabtiet ta’ kummerċ bejn il-port ta’ Misurata u l-portijiet f’Malta, kif ukoll il-ħsieb li Malta taħseb biex ‘il quddiem ikollha konsulat li jopera minn hemmhekk. Id-delegazzjoni żaret ukoll il-Port Ħieles ta’ Misurata fejn ġew diskussi opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni li wieħed jista’ jikkultiva fil-qasam tat-trasport u l-ġarr tal-merkanzija bil-baħar.

Fi stqarrija, il-Gvern Malti qal li dawn iż-żjarat huma xhieda tal-isforzi li dan il-gvern qed jagħmel sabiex jippromwovi l-kummerċ mal-Libja, għall-ġid taż-żewġ popli.