Diskussi strateġiji għax-xitwa m’operaturi turistiċi barranin

Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li l-impenn tal-ministeru huwa li jkompli jtejjeb is-settur turistiku anke fix-xhur tax-xitwa.
Hekk kif wasal lura Malta wara jiem ta’ laqgħat u diskussjonijiet ma’ diversi operaturi mir-Renju Unit u l-Irlanda, Dr Zammit Lewis qal li mhux se jkun komdu bil-figuri u n-numri fl-eqqel tal-istaġun, iżda billi jkompli jiżviluppa dan is-settur b‘viżjoni fit-tul.
Matul iż-żjara, il-Ministru għat-Turiżmu iltaqa’ ma’ diversi operaturi turistiċi li għandhom lil Malta fost id-destinazzjonijiet tagħhom fejn kienet diskussa l-ħolqien ta’ strateġija ħolistika għax-xhur tax-xitwa.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li l-uffiċċju tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu f’Putney Londra jinsab għaddej b’ħidma intensiva biex fix-xhur li ġejjin ikunu żviluppati ż-żwiġijiet u aktar konferenzi f’Malta.
Il-Ministru għat-Turiżmu żar ukoll l-uffiċċju tal-Air Malta, f’Putney Londra minn fejn jitmexxa r-reġjun tar-Renju Unit, l-Irlanda, Franza u l-Olanda. Dwar l-Air Malta, il-Ministru Zammit Lewis qal li l-isfidi li kellha u li għad għandha l-Air Malta mhumiex faċli, iżda b’fiduċja soda huma fattibli.