Filmat: Diskussi d-dettalji għall-ħidma biex jinqerdu d-dgħajjes tal-immigranti

Il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea fosthom George Vella, iltaqgħu fil-Lussemburgu għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri ġiet diskussa l-implimentazzjoni tal-pjan imressaq fit-18 ta’ Mejju mill-Kummissjoni Ewropea biex jinqerdu d-dgħajjes li jużaw it-traffikanti tal-bnedmin biex iġorru l-immigranti.
Din il-ħidma li hija magħrufa bħala EUNAVFORMed u ġiet mnedija llum mill-Kunsill Ewropew, se tkun qed issir skont il-liġijiet internazzjonali u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem.
Għal din il-ħidma, li se titmexxa minn Ruma, se jiġu allokati kważi €12-il miljun ewro għall-ewwel sena u se titqassam fi tliet fażijiet.
Fl-ewwel fażi se ssir sorveljanza u assessjar tan-network tat-traffikar tal-bnedmin min-nofsinhar tal-Mediterran, fit-tieni fażi se jinqerdu d-dgħajjes suspettużi u fit-tielet fażi sa fejn hu possibbli jinqabdu t-traffikanti.
Għall-kuntrarju tal-proposta tar-rilokazzjoni tal-immigranti li wkoll tressqet mill-Kummissjoni Ewropea, jidher fl-Ewropa hemm iżjed appoġġ għal din il-proposta milli għar-rilokazzjoni tal-immigranti mill-pajjiżi l-iżjed milquta.
Ir-rappreżentanta tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin Federica Mogherini sostniet li l-Unjoni qatt ma ħadet dan is-settur b’daqshekk serjetà daqs illum.
Sostniet li b’din il-ħidma se jinqered in-network tat-traffikanti li jridu jieħdu benefiċċju mit-tbatija tal-immigranti fl-Afrika.