Diskussa żieda fis-salarji tal-Assistenti Kummissarji u ta’ fuqhom

CMRU

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Pulizija (MPA) kellha laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela fejn fost l-oħrajn ġiet diskussa żieda fis-salarji ta’ persuni fil-Korp tal-Pulizija mill-Assisteni Kummissarji ‘l fuq.

Permezz ta’ post fuq Facebook, l-Assoċjazzjoni spejgat li l-laqgħa saret ilbieraħ filgħaxija u kien hemm involuti l-President Alexander Schembri u s-Segretarju Eżekuttiv Johann Mifsud. Huma ddiskutew diversi materji fosthom is-sitwazzjoni preżenti fil-pajjiż b’rabta mal-imxija tal-coronavirus u diversi punti biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-Pulizija.

Minbarra żieda fil-pagi, huma tkellmu wkoll fuq aġġustament fil-pensjonijiet ta’ dawk il-kuntistabbli li telqu wara li ġie ffirmat il-ftehim settorjali. Huma spjegaw li dan minħabba li hemm numru żgħir ta’ kuntistabbli li qed jitilfu madwar €800 fis-sena minħabba li f’dan il-ftehim żdiedet il-kelma “senior constable”. L-Assoċjazzjoni qalet ukoll li l-pensjoni tal-pulizija għandha tiżdied mal-għoli tal-ħajja.

Fost is-suġġetti diskussi, l-Assoċjazzjoni semmiet ukoll bżonn ta’ inċentiv biex pulizija jinżammu wara li jkunu għamlu s-servizz kollu tagħhom. Jiġifieri wara li jtemmu l-25 sena servizz. Ir-rappreżentati semmew kif sa Ġunju tal-2021 se jkun hemm madwar 500 pulizija li se jkunu temmew is-servizz tagħhom u li jistgħu jitilqu mil-lum għall-għada. Fost il-possibiltajiet tal-inizjattivi li jistgħu jittieħdu dwar dan, ir-rappreżentanti ssuġġerew li dawn il-Pulizija jingħataw il-pensjoni u jibqgħu fil-korp sal-età massima ta’ 55 sena.

Huma tkellmu wkoll dwar kif l-impjegati tal-Gvern, mhux biss pulizija, li kellhom jieqfu mix-xogħol biex jieħdu ħsieb it-tfal b’rabta mal-imxija tal-coronavirus jiġu intitolati għal €800 fix-xahar bħal impjegati oħra li jaħdmu fis-settur privat. Huma staqsew ukoll dwar x’se jiġri mill-Pulizija li kellhom joħorġu bil-leave għax m’għandhomx ma’ min iħallu lit-tfal, wara li dawn jispiċċalhom il-leave.

Il-Prim Ministru Abela wiegħed li l-punti imsemmija se jiġu diskussi mal-Ministru għall-Intern Byron Camilleri biex tinstab soluzzjoni għalihom fil-futur qarib.