Diskussa l-possibiltà ta’ Tribunal Reġjonali għal każi ta’ abbużi sesswali

Il-Papa Franġisku u l-Kunsill tal-Kardinali ddiskutew il-possibbiltà li jitwaqqfu Tribunali Reġjonali madwar id-dinja biex jiġġudikaw każi ta’ abbużi sesswali li allegatament ikunu kommessi minn membri tal-Kleru.
Greg Burke, il-kelliem uffiċjali tal-Vatikan, ikkonferma rapport ippubblikat mill-Vatican Insider fejn intqal li l-Papa u l-konsulenti tiegħu kienu qed jikkunsidraw li jkun deċentralizzat ir-rwol tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, li normalment tieħu ħsieb dawn il-każi, bla ma tonqos l-awtorità tal-Kongregazzjoni.
Il-Kunsill tal-Kardinali, għamel l-ewwel laqgħa tiegħu għal din is-sena lejn tmiem ix-xahar li għadda mal-Papa. Il-Papa kien ħatar dan il-grupp ta’ disa’ kardinali biex jagħtuh pariri dwar ir-riforma tal-Kurja Rumana.
F’Mejju li għadda l-Papa kien qal lill-ġurnalisti li li l-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi kienet mgħobbija b’ħafna dewmien u l-każi dejjem jikbru u għalhekk kienu qed ikunu kkunsidrati dawn it-tribunali reġjonali.
Skont il-Vatican Insider it-twaqqif tat-tribunali reġjonali kienu jsolvu wkoll il-problema li dawn il-każi jkunu kunsidrati f’pajjiżi differenti b’liġijiet differenti u allura l-proċess ikun aktar mgħaġġel u uniformi.
Il-Kunsill tal-Kardinali iddiskuta wkoll ir-rwol tal-Konferenzi Episkopali u l-mod kif dawn jistgħu jikkontribwixxu fid-diskussjoni dwar kwestjonijiet teoloġiċi fi spirtu aktar kolleġġjali.
Il-Papa Franġisku fl-eżortazzjoni “Il-Ferħ tal-Vanġelu” kien kiteb dwar il-bżonn li l-Konferenzi Edpiskopali jkollhom irwol akbar għax sostna li ċ-ċentralizzazzjoni eċċessiva flok tgħin, tikkumplika l-ħajja tal-Knisja u l-ħidma missjunarja tagħha.
Il-Kunsill tal-Kardinali għandu jerġa’ jiltaqa’ fl-aħħar ġimgħa ta’ April biex ikompli jikkunsidra din il-possibiltà.
Il-Kunsill tal-Kardinali hu magħmul mill-Kardinali Pietro Parolin, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan;  Oscar Rodriguez Maradiaga ta’ Tegucigalpa fil-Honduras; Sean P. O’Malley ta’ Boston; Francisco Javier Errazuriz Ossa, Arċisqof irtirat ta’ Santiago fiċ-Ċili; Oswal Gracias ta’ Mumbai, fl-Indja; Reinhard Marx ta’ Munich fil-Ġermanja; Laurent Monsengwo Pasinya, ta’ Kinshasa fil-Congo; George Pell, Kap tas-Segreterija Ekonomika tal-Vatikan; u Giuseppe Bertollo, President tal-Kummissjoni li tmexxi l-Istat tal-Vatikan.