Diskussa l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-qasam tax-xjenza

Minn kull sitt inġiniera, waħda biss hija mara, u mara waħda biss minn kull tliet xjentisti fl-informatika u l-matematika.
Quddiem din ir-realtà, qed issir ħidma biex post il-mara fix-xjenza jimxi 'l quddiem u jiġu megħluba sterjotipi li normalment jiġu ppreżenati mill-midja.
Waqt konferenza fil-kwartieri tan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tan-Nisa u t-Tfajliet fix-Xejnza, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali u l-Libertajiet Ċivili, Helena Dalli saħqet fuq l-importanza li l-mezzi tax-xandir ikissru dawn l-isterjotipi.
Saħqet li jekk il-midja tagħraf tibni l-kunċett ta' role models għat-tfajliet u l-bniet, il-ġenerazzjonijiet futuri jkunu kapaċi jipproduċu iżjed nisa li jaħdmu f'dan il-qasam.
Il-Ministru Dalli kienet qed tindirizza konferenza ta' ġurnata, bl-isem ta' Ġeneru, Xjenza u Żvilupp Sostenibbli: L-Impatt tal-Midja u li għaliha pparteċipaw persuni mill-qasam politiku, xjentifiku, edukattiv u mis-settur privat.