Diskussa l-koperazzjoni bejn l-armata Maltija u Amerikana

Read in English.

Il-Gvern kellu taħditiet mas-Segretarju tad-Difiża Mark Esper fil-Berġa ta’ Kastilja fejn f’laqgħa mal-Prim Ministru huma ddiskutew il-koperazzjoni bejn il-Forzi Armati ta’ Malta u l-Forzi Armati tal-Istati Uniti.

Fi stqarrija d-Dipartiment tal-Informazzjoni qal li d-diskussjonijiet iffukaw fuq ir-relazzjonijiet bilaterali u kif din ir-relazzjoni tista’ tkompli tissaħħaħ. Ġiet ukoll diskussa l-immigrazzjoni.

Ilbieraħ jaslu ajruplani mill-Istati Uniti
Is-Segretarju tad-Difiża Amerikan jasal Malta

Fl-istqarrija, il-Gvern ma għamel l-ebda referenza għall-arranġament SOFA. Ilbieraħ il-PM iddefenda l-pjanijiet tal-Gvern li jiffirma ftehim militari mal-Istati Uniti filwaqt li xejjen argumenti li dan il-ftehim jista’ jassigura li Malta tgħaddi mit-test tal-Moneyval.

Dwar l-armata sar aċċenn dwar it-taħriġ formattiv u tekniku lis-suldati Maltin li se jingħata mill-Forzi Armati tal-Istati Uniti.

“Apparti li jassistu lil Malta fil-militar fejn hemm relazzjonijiet mill-aqwa bejn iż-żewġ naħat, l-Amerikani jassistu ħafna lill-Armata Maltija f’taħriġ professjonali tas-suldati Maltin fl-oqsma kollha, inkluż fl-Ispecial Operations Unit.”

Ġie spjegat kif kull sena l-Forzi Armati Maltin tibgħat numru ta’ uffiċjali u suldati fl-Amerika fejn jingħataw taħriġ speċjalizzat u uffiċjali Amerikani jiġu jagħtu taħriġ anke f’pajjiżna bil-għan li jintlaħqu aktar suldati Maltin.

Għal dawn id-diskussjonijiet kienu preżenti wkoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri.

Aktar tard, is-Segretarju tad-Difiża ltaqa’ mal-President George Vella fil-Palazz ta’ San Anton.