Diskussa l-kollaborazzjoni bejn Malta u l-Italja għas-sigurtá fil-Mediterran

Il-Ministru għall-Intern, Carmelo Abela kellu laqgħat f’Ruma mal-Ministru Taljan responsabbli mid-Difiża, Roberta Pinotti u l-Ministru għall-Intern, Angelino Alfano.
Il-Ministri tkellmu fost l-oħrajn dwar l-aġenda komuni ta’ Malta u l-Italja dwar is-sigurtá u l-immigrazzjoni u qablu li l-istabbilitá fil-Mediterran hija meħtieġa għas-sigurtá taż-żewġ pajjiżi. 

Pinotti tkellmet dwar il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi f’Mare Nostrum u t-tranżizzjoni għall-operazzjoni Triton tal-Frontex.
Il-Ministru Abela enfasizza fuq l-importanza li iżjed membri tal-Forzi Armati ta’ Malta jitħarrġu f’istituzzjonijiet militari fl-Italja.
Qal li sar investiment f’żewġ ħelikopters u li għaddejjin in-negozjati biex jinxtara t-tielet wieħed. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Alfano qal li Malta u l-Italja għandhom ikomplu bil-kollaborazzjoni dwar l-isfida tal-immigrazzjoni u li jibqgħu ikunu vuċi waħda fl-istituzzjonijiet Ewropej.
Ġiet diskussa wkoll is-sitwazzjoni preżenti fil-Libja.