Diskuss jekk l-HSBC għandux jibqa’ jopera f’Malta – Financial Times

Il-ġurnal The Financial Times żvela li Malta huwa fost il-pajjiżi li “mhux strateġiċi” u qed jaħseb għandux iwaqqaf l-operat tiegħu għal kollox fil-pajjiż.

Il-ġurnal spjega li l-bord tal-HSBC lest biex jidħol għal l-aktar ristrutturar intensiv fil-155 sena li ilu jeżisti. Dan wara li l-bank iddeċieda li l-kriżi tal-coronavirus għandha bżonn miżuri drastiċi.

Fi Frar, il-bank qal li kien qed jaqta’ 35,000 impjieg biex jissalvagwardja $4.5 biljun fi spejjeż u $100 biljun f’assi ta’ riskju billi radikalment inaqqas in-negozju tiegħu fl-Istati Uniti u l-Ewropa. L-Eżekuttiv qed jippjana li jiddirezzjona r-riżorsi tiegħu lejn l-Asja.

Skont il-ġurnal, din is-sena, il-pandemija se twassal biex ikollha mal-$11 biljun ta’ self problematiku minħabba li kien hemm diversi persuni li kellhom jieqfu jħallsu d-dejn għax spiċċaw bla impjieg.

Analist ta’ Citi, Ronit Ghose, qal li ilhom jgħidu li l-HSBC għandu joħroġ mill-Istati Uniti għall-aħħar 10 snin. Dan hekk kif il-bank ikun jista’ jaqdi lill-klijenti kbar fl-Istati Uniti mill-Asja u b’mod internazzjonali mingħajr ma jkollu bżonn ikun preżenti fil-pajjiż. Similarment jidher li l-kumpanija qed tħares lejn in-network ta’ banek fi Franza fejn hemm mal-200 fergħa u 4,000 ħaddiem.

Intant, Malta issemmiet bħala wieħed mill-pajjiżi fost lista ta’ pajjiżi mlaqqma “mhux strateġiċi” flimkien mal-Bermuda, il-Filippini u New Zealand. Skont il-Financial Times, huma qed iħarsu lejn jekk dawn id-diviżjonijiet jistgħux jinbigħu jew jingħalqu. Jidher li attentati li għamlu qabel biex ibigħu l-operat f’dawn il-pajjiżi, ir-regolaturi fil-pajjiżi partikolari qalu li dawk li riedu jieħdu f’idejhom dan l-operat ma kinux aċċettabli.

Ikkuntattjata fi Frar, kelliema għall-HSBC f’Malta spjegat ma’ Newsbook.com.mt li f’Novembru tal-2019, l-HSBC kien ikkonferma li se jkun qed inaqqas in-numru ta’ impjegati b’180. Dan tħabbar fi stqarrija li fiha l-bank qal li l-iskema volontarja tal-irtirar ingħalqet. Fil-pjan strateġiku li tħabbar f’Settembru tal-2019, il-bank qal li se jkun qed jiffoka iktar fuq is-servizzi bankarji diġitali, filwaqt li jkompli jaħdem biex il-fergħat jiġu mmodernizati.