Awdjo: “Diskrepanza kbira bejn il-kundizzjonijiet fiċ-ċentri miftuħa u magħluqa”

Il-Working Group fi ħdan in-Nazzjonijiet Maqgħuda nnota d-diskrepanza kbira li hemm fil-kundizzjonijiet fiżiċi taċ-Ċentri Miftuħa, bħal dak ta’ Ħal Far, u ċ-Ċentri ta’ detenzjonijiet magħluqa.
Il-Viċi Kap tal-Working Group, Roland Adjovi, f’kummenti lil Newsbook.com.mt, spjega kif il-kunduzzjoni fiċ-Ċentri Miftuħa kienet ferm agħar minn dawk magħluqa.
Il-grupp ġie Malta għal tlett ijiem bil-għan li jinvestiga d-detenzjoni arbitrarja u jara l-progress li sar mill-2009, meta l-Working Group għamel żjara simili f’Malta. Dak iż-żmien, wara ż-żjara, tressqu b’kollox 13-il rakkomandazzjoni.
Il-grupp osserva li ħafna minn dawk ir-rakkomandazzjonijiet twettqu. Il-kwistjonijiet prinċipali kienu jikkonċernaw id-detenzjoni tat-tfal u l-għajnuna legali mal-immigranti.
Dwar din tal-aħħar, Adjovi qal li jidher li hemm problema fil-komunikazzjoni u fl-għajnuna legali li qed tingħata. Jidher li din mhix qed tkun effettiva.
Issemma l-fatt ukoll li ħafna mid-detenuti m’għandhomx idea x’inhu l-istatus tagħhom u fuq kollox, x’qed jistennew fil-futur tagħhom. 
Il-Grupp appella biex l-irwol tal-armata ikun ristrett ma’ salvataġġ u mhux ma detenzjoni. Saħaq li kieku l-proċess ta’ rilokazzjoni jaħdem, iċ-ċentri ta’ detenzjoni f’Malta jaraw progress ikbar.
Jihder li hemm il-ħsieb biex isir ċentru apposta għat-tfal u n-nisa u insista li tfal ta’ taħt it-18-il sena ma jistgħux jiġu kkunsidrati adulti u b’hekk għandhom jinżammew separati minn dawk akbar minnhom.