Diskrepanza bejn kliem u fatti dwar teleworking fiċ-Ċivil – PN

Il-Partit Nazzjonalista lmenta li filwaqt li t-tmexxija taċ-Ċivil qed tisħaq li t-teleworking qed jiġi mħeġġeġ, il-fatti qed jixhdu storja kompletament differenti.

L-ewroparlamentari u eks Prim Ministru Alfred Sant riċentement kiteb kif jidher li numru ta’ dipartimenti tal-Gvern ma baqgħux jaċċettaw teleworking u qed jinsistu li l-ħaddiema jerġgħu jidħlu lura fl-uffiċini tagħhom minkejja li l-pandemija tal-Covid-19 għadha għaddejja.

Il-PN qal li Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista – is-sezzjoni tal-ħaddiema fi ħdan il-partit – tista’ tikkonferma dak li semma Sant, hekk kif numru konsiderevoli ta’ ħaddiema taċ-Ċivil minn diversi dipartiment kkonfermaw li qed isibuha diffiċli biex ikomplu jagħmlu teleworking kif kienu għamlu fl-aħħar xhur.

“Dawn l-istess impjegati qalulna li t-teleworking qed japplika biss għal numru żgħir ta’ ħaddiema b’diversi diretturi jisħqu li dan hu biss vaganza għal dawk kollha li jinsabu jaħdmu bit-teleworking!, u dan kuntrarjament għal dak li qed jissuġġerixxu l-Awtoritajiet tas-Saħħa,” il-PN qal fi stqarrija ffirmata mid-deputat Clyde Puli u mill-president tal-SĦPN Ivan Castillo.

Minkejja dan, żied jgħid il-PN, il-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar qed jisħaq fil-pubbliku li l-politika tal-Gvern f’dan ir-rigward ma nbidlitx.

“Redikolu l-ftaħir ta’ elfejn ħaddiem bit-teleworking imqabbel mal-50,000 ħaddiema li hemm fiċ-Ċivil. Mhux ta’ b’xejn li l-ħaddiema taċ-Ċivil qed jistaqsu għaliex il-Gvern mhux veru jemmen fil-work-life balance u qed jagħmililhom ferm diffiċli għal min jixtieq jaħdem bit-teleworking f’daż-żmien tal-pandemija,” saħqu Puli u Castillo.

L-SĦPN żiedet li min-naħa l-oħra, numru konsiderevoli ta’ kumpaniji privati kienu qed jagħtu l-opportunità lill-impjegati tagħhom jaħdmu mid-dar, u li ma setgħetx tifhem kif l-istess prinċipju mhux qed jiġi applikat sew fost id-dipartimenti tal-Gvern.