Diskorsi kontroversjali u iebsa waqt is-Sinodu

Isqfijiet deħlin għal-laqgħa tas-Sinodu dwar iż-Żgħażagħ

L-Arċisqof ta’ Philadelphia, Charles Chaput għamel intervent mill-aktar kontroversjali fis-Sinodu meta qal li l-lingwaġġ LGBTQ m’għandux jintuża fid-dokument finali tas-Sinodu.

Meta inawgura s-Sinodu nhar l-Erbgħa, il-Papa Franġisku appella għal Knisja li toħlom u tittama, filwaqt li wissa’ kontra t-tentazzjoni li niffukkaw fuq “ideoloġiji astratti” li huma maqtugħa mir-realtajiet taż-żgħażagħ.

F’dawk li qed jitqiesu bħala kummenti kontroversjali ħafna, l-Arċisqof Chaput ikkritika bl-aħrax il-possibbiltà li fid-dokument finali tas-Sinodu jidħol it-terminu LGBT.

Hu qal li ma jeżistix “Kattoliku LGBTQ” jew “kattoliku transgender”, jew “kattoliku eterosesswali”, bħallikieku l-aptit sesswali tagħna jiddefinixxi min aħna; bħallikeiku dawn id-desinjazzjonijiet jiddeskrivu komunitajiet diskreti b’integrità differenti imma ugwali fil-komunità ekklesjastika li hi l-Ġisem ta’ Kristu. Dan qatt ma kien veru fil-ħajja tal-Knisja u anqas hu veru llum.”

Allura, “LGBTQ u lingwaġġ simili ma għandhomx jintużaw fid-dokumenti tal-Knisja għax l-użu tagħhom jista’ jissuġerixxi li dawn huma gruppi reali u awtonomi; iżda l-Knisja ma tikkategoriżżax lin-nies b’dan il-mod”, argumenta l-Arċisqof ta’ Philadelphia.

L-Arċisqof  Chaput qal li l-abbużi sesswali mill-kleru “huma riżultat tal-konfużjoni li daħlet fil-Knisja fi żmienna.

Sadattant, l-Arċisqof Anthony Fisher ta’ Sydney, fl-Awstralja, għamel dak li osservaturi ddeskirvew bħala l-aktar diskor iebes s’issa fejn ikkundanna bl-aħrax l-abbużi sesswali minn membri tal-Kleru.

Liż-żgħażagħ li qed jipparteċipaw fis-Sinodu, l-Arċisqof Awstraljan qalilhom: “Għall-imġieba tal-mistħija ta’ xi qassisin, reliġjużi u lajċi li twettqet fuqkom jew fuq żgħażagħ oħra bħalkom u l-ħsara kbira li dawn għamlu, nitlob apoloġija.”

“U għan-nuqqas ta’ ħafna Isqfijiet u oħrajn li naqsu li jwieġbu b’mod tajjeb meta saru magħrufa l-abbużi u li naqsu milli jagħmlu dak kollu possibbli biex intom tkunu fis-sigurtà: nitlob apoloġija,” kompla l-Arċisqof Fisher.

Huwa għamel sensiela ta’ aploġiji oħra għan-nuqqasijiet tal-iskejjel tal-Knisja u ta’ parroċċi li jagħtu xiehda tal-fidi jew għad-distakk u n-nuqqas ta’ ferħ muri minn xi mexxejja tal-Knisja u għall-funzjonijiet liturġiċi koroh li ma jiġbdukx, fost nuqqasijiet oħra.

“L-abbuż sesswali hu att kriminali u dnub,” qal l-Isqof Frank Caggiano ta’ Bridgeport filwaqt li żied li “dan l-abbuż naqqas il-kunfidenza u l-fiduċja taż-żgħażagħ fil-Knisja bħala istituzzjoni u fil-mexxejja tagħha biex jista’ jkollhom fiduċja mill-ġdid fis-saċerdoti u l-Isqfijiet biex ikunu veri missirijiet spiritwali u jservu bħala mudell ta’ fidi awtentika f’ħajjithom.”

Barra mill-266  Isqof li qed jattendu u jikkontribwixxu għas-Sinodu bit-tema “Iż-Żgħażagħ, il-Fidi u d-Dixxerniment Vokazzjonali, hemm ukoll madwar 300 persuna oħra ta’ bejn is-16 u d-29 sena u għall-ewwel darba qed jattendu wkoll żewġ Isqfijiet Ċinizi.