Diskors sterjotipiku jwassal biex l-immigranti jitqiesu ta’ theddida – NCPE

Il-Kummissjoni Nazzjonali għal Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) nnotat li l-immigranti huma ħafna drabi mneżżgħin mill-umanità tagħhom fid-diskorsi pubbliċi. Il-Kummissjoni appellat biex fis-sena li ġejja ikun hawn iktar responsabbiltajiet fid-diskorsi li jsiru partikolarment minn persuni pubbliċi. Huma qalu dawn id-diskussjonijiet se jibqgħu jkunu ta’ priorità fl-2019 ukoll u għalhekk id-diskussjonijiet għandhom ikunu fuq nies li għandhom id-drittijiet umani u b’dinjità bħal persuna oħra.

Il-grupp saħaq li hemm sitwazzjonijiet fejn il-preżenza ta’ dawn l-immigranti f’ċerta postijiet qed tiġi kkunsidratha bħala problema u dan iwassal biex gruppi soċjali qed jiġu kkunsidrati bħala theddida minħabba l-kulur tal-ġilda  jew il-kulturi tagħhom.

Dawn il-frażijiet u oħrajn li persuni pubbliċi qed jużaw qed ikollhom impatt negattiv u jkomplu ikabbru d-distanza soċjali, jiggravaw it-tensjonijiet soċjali u jxekklu t-triq lejn l-inklużjoni.

L-NCPE tawgura li jkun hemm dibattitu fuq l-imigrazzjoni li jinkludi diskussjonijiet kalmi u razzjonali dwar l-isfidi f’dan il-qasam kif ukoll li jirrikonoxxu l-kontribuzzjoni soċjali, kulturali u ekonomika tal-immigranti f’Malta.