Il-Bormliżi u tal-Palumbo ma jaqblux dwar żebgħa bajda

Madwar mitt ħaddiem tal-kumpanija Palumbo inġabru biex jesprimu t-tħassib tagħhom wara li r-residenti ta’ Bormla qalu li x-xogħol li qed isir fit-tarzna għamlilhom il-ħsara. Min-naħa l-oħra s-sindku ta’ Bormla insista li l-ħsara bilfors ġiet mill-Palumbo.

Nhar is-Sibt li għadda aktar minn 150 ruħ qalu li qamu u sabu l-karozzi u l-faċċati tad-djar tagħhom miksija b’żebgħa bajda, li qalu li ġiet mix-xogħol li sar fuq bastiment Taljan.

Il-ħaddiema tal-Palumbo qalu li akkużi bħal dawn jistgħu jheddulhom xogħolhom, filwaqt li qalu li ħsara setgħat ġiet ikkaġunata minn sorsi oħra, bħall-power station. Saħqu li l-ħaddiema stess, li jkollhom il-karozzi viċin ħafna tat-tarzna, qatt ma sabu żebgħa bajda.

Il-ħaddiema fakkru li l-kumpanija investiet ħafna flus fix-xhur li għaddew sabiex ittejjeb il-ħidma tagħha.

Is-sindku ta’ Bormla Joseph Scerri kellem lill-Pulizija u lill-MEPA dwar il-ħsara li saret lir-residenti. Fl-awdjo tisimgħu ukoll kif b’konvinzjoni stqarr li ż-żebgħa ġiet mill-Palumbo. Stqarr li jekk il-ħaddiema jinkwetaw għal xogħolhom, ir-residenti għandhom dritt ukoll jinkwetaw għal saħħithom.