Diżgrazzji fi kmamar tan-nar iħallu 35 mejta f’20 sena

Is-sitwazzjoni tjiebet fl-aħħar 10 snin

Google Maps

35 persuna mietu f’diżgrazzji fi kmamar tan-nar fl-aħħar 20 sena, filwaqt li 36 oħra sfaw midruba.

Fuq mistoqsija parlamentari tad-deputat parlamentari Godfrey Farrugia, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri ta rendikont sena b’sena mis-sena 2000 ‘l hawn tal-inċident li seħħew fil-kmamar tan-nar f’Malta u Għawdex. Skont l-istatistika provduta mill-Ministru fl-aħħar 20 sena kien hawn 53 inċident, bl-aktar sena imdemmija tkun l-2010 meta f’ħames inċidenti kienu mietu għaxra u weġġgħu ħamsa oħra.

Fl-aħħar snin fortunatament is-sigurtà fil-kmamar tan-nar tjiebu tant li fl-aħħar 10 snin mietu sitt persuna kontra d-29 li tilfet ħajjitha fl-ewwel għaxra snin tal-Millenju. L-aħħar inċident fatali kien irreġistrat fl-2018, waqt li din is-sena kien hemm inċident wieħed fejn weġġgħet persuna waħda.

F’sentejn biss – l-2015 u l-2019 – ma kienx hemm inċident wieħed, għalkemm l-ebda persuna sfat midruba jew maqtula f’erba’ snin oħra minkejja li kien hemm inċidenti fi kmamar tan-nar.

L-inċidenti li seħħew fi kmamar tan-nar Malta u f’Għawdex sena b’sena, bejn is-sena 2000 u Settembru 2020, kienu kif jidhru fit-tabella t’hawn taħt:

senanumru ta’ inċidentinumru ta’ mwietnumru ta’ midruba
2000521
2001200
2002714
2003311
2004100
2005664
2006301
2007381
2008100
2009313
20105105
2011203
2012351
2013102
2014100
2015000
2016202
2017101
2018216
2019000
2020
(s’issa)
201
totali533536

Intant għall-interpellanza oħra tad-deputat Farrugia, il-ministru żvela li hawn 33 kamra tan-nar liċenzjata f’Malta u Għawdex, li minnhom 8 huma privati – inklużi it-tlett kmamar li jinsabu Għawdex.

Il-ministru qal ukoll li hawn 1,479 persuna li għandha xi forma ta’ liċenzja biex taħdem jew taħraq il-logħob tan-nar f’pajjiżna.

Minn dawn hemm 214 li għandhom l-ogħla liċenzja ‘A’ li tippermetti lil persuna li jkun responsabbli mill-kamra tan-nar, filwaqt li 1,079 għandhom il-liċenzja ‘B’ li tawtorizzahom jaħdmu ġo kamra tan-nar.

20 persuna għandhom il-liċenzja ‘C,’ u b’hekk jistgħu jaħarqu n-nar taħt sorveljanza ta’ persuni b’liċenzja ‘A’ jew ‘B’. 166 għandhom liċenzja ‘D,’ li tindika li jkunu qed isegwu kors ta’ tagħlim għal ħruġ ta’ liċenzja ‘B.’