Disat’ itfal maqtula fis-Sirja fl-ewwel ġimgħa tas-sena

Missier iġorr il-katavru ta' bintu matula f'Idlib

Matul is-sena li għaddiet, f’Idlib, is-Sirja, inqatlu medja ta’ tifel jew tifla kuljum, skont l-Organiżazzjoni Internazzjonali “Save the Children”, li taħdem ħafna fl-interess tat-tfal.

Il-vjolenza f’Idlib reġgħet żdiedet ħafna minn DIċembru li għadda u f’dawn l-anqas minn xahar u nofs diġa’ nqatlu 36 tifel jew tifla oħra u madwar 300,000 persuna kellhom jaħarbu minn djarhom, tant li bliet sħaħ fl-inħawi huma vojta min-nies.

L-eskalazzjoni tal-vjolenza fis-Sirja żdiedet f’April tas-sena l-oħra meta f’xahar wieħed biss kienu nqatlu aktar tfal milli nqatlu fis-sena ta’ qabel kollha. Fil-fatt bejn it-30 ta’ April u l-25 ta’ Lulju 2019, kienu nqatlu 90 tifel u tifla f’Idlib.

Gwerra kiefra

Sonia Khush, Direttur ta’ Save the Children fis-Sirja qalet li n-numru ta’ mejtin f’Idlib qed ikompli jikber. Dawn m’humiex biss numri imma għall-familji tagħhom huma ulied maħbuba li ħajjithom intemmet ħesrem fi gwerra kiefra li ma teħlisha lil ħadd.

Hi qalet li huma jiddokmentaw kull mewt bir-reqqa u dawn in-numri aktarx li huma konservattivi. Imma li jinqatel almenu tifel jew tifla kuljum mhux aċċetabbli.

Żiedet tgħid li t-temperaturi ffriżati u x-xita qed  iżidu l-ħtiġijiet ta’ dawn it-tfal vulnerabbli u l-familji tagħhom. Mijiet ta’ persuni qed jorqdu fit-toroq għax spiċċaw bla dar wara li ħafna attakki mill-ajru u ġlied fl-art spiċċaw biex svujtaw il-bliet fosthom Maarat Al Numan u l-inħawi. Ħafna nes qed jippruvaw isibu kenn fil-Moskei, imħażen vojta u farms tat-tiġieġ.

12-il kamp

Fl-aħħar ġimgħat tnax il-kamp li twaqqfu apposta biex jilqgħu fihom nies li spiċċaw bla dar, imtlew f’ħakka t’għajn biex itaffu xi ftit mill-kesħa.

Eluf ta’ ħaddiema bdew is-sena l-ġdida jippruvaw  jaħarbu mill-vjolenza bla ma jafu fejn se jmorru, iġorru magħhom il-ftit affarijiet li setgħu jieħdu magħhom. Uħud minnhom din ma kinitex l-ewwel darba li kellhom jaħarbu minn djarhom minħabba l-vjolenza.

Min-naħa tagħha, l-Organiżazzjoni Save the Children qed tappella lill-partijiet kollha biex “iwaqqfu din il-gwerra fuq it-tfal”. Il-kunflitt fis-Sirja ma għandux jitħalla jsir precedent għal-ksur tad-drittijiet tat-tfal u l-liġijiet internazzjonali li huma maħsuba biex iħarsu lit-tfal vulnrabbli u dan jitqies bħal xi ħaġa normali

Save the Children u msieħba tagħha bħalissa qed jippruvaw jirrispondu b’għajnuna għall-ħtiġijiet tal-familji Sirjani billi jqassmulhom ikel, ħtiġijiet iġjeniċi, transport ‘l hinn minn żoni ta’ kunflitt u oġġetti oħra ta’ ħtiġijiet bażiċi.