Disat itfal jirrakkontaw it-trobbija partikolari tagħhom

Tnedew żewġ pubblikazzjonijiet, wieħed għat-tfal ta’ taħt it-12-il sena u l-ieħor għaż-żgħażagħ. Dawn tnedew mill-Fondazzjoni St Jeanne Antide u saru bis-saħħa tal-Premju tal-President għall-Kreattività 2014.
Il-pubblikazzjonijiet huma:  Il-Mela Darba Tiegħi – ġrajjiet veri tagħna t-tfal – miktub u illustrat minn tfal li jibbenefikaw mis-servizzi tal-Fondazzjoni. Hemm illustrazzjonijiet ukoll ta' Marisa Attard. 
Il-kitbiet ta’ disat itfal jinkludu sitwazzjonijiet fil-familja tagħhom bħal fostering, il-vjolenza domestika, is-separazzjoni tal-ġenituri, il-vizzji, ġenitur il-ħabs, mewt ta’ membru tal-familja, mard serju u young caring. Il-ktieb maħsub għall-użu minn tfal, ġenituri, għalliema u professjonisti.
Pubblikazzjoni oħra hija Caterpillar in a Jar – Storja għaż-żgħażagħ dwar il-vjolenza domestika mill-perspettiva ta’ tfal ta’ 6, 9, 12 u 15-il sena.  Inkiteb minn mara li minkejja l-isfidi mxiet ‘il quddiem u llum qed tmexxi s-servizz SOAR tal-Fondazzjoni, li joffri gwida u għajnuna lin-nisa li ġarrbu l-vjolenza fir-relazzjonijiet tagħhom.  Il-ktieb se jintuża waqt il-workshops li qed jitwettqu ma’ żgħażagħ f'kuntesti differenti.
Il-Premju tal-President għall-Kreattività 2015 qed jilqa’ applikazzjonijiet sal-aħħar ta’ Lulju li ġej.  Min jixtieq japplika jista’ jniżżel applikazzjoni minn fuq is-sit www.president.gov.mt.
Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott