Disa’ xhur evalwazzjoni kif se jsir stejġ f’San Pawl il-Baħar

Transport Malta ilha disa' xhur tesplora l-possibilitá li jsir stejġ f'San Pawl il-Baħar qrib il-grawnd tas-Sirens FC.
Dan jirriżulta mit-tweġiba li l-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi ta fil-Parlament għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar.
Il-Ministru Mizzi qal li fit-30 ta' Ottubru tas-sena li għaddiet, uffiċjali ta' Transport Malta marru fuq il-post iżda minħabba li m'hemmx spazju biżżejjed fuq il-bankina kif ukoll minħabba l-mod kif inhi t-triq mhux possibbli li jsir stejġ.
Il-mistoqsija Parlamentari ta' Robert Cutajar saret wara li hu stess fil-midja soċjali kien ġibed l-attenzjoni għal xelter li sar fl-inħawi tal-grawnd tas-Sirens FC.
Dan ix-xelter sab kritika kbira speċjalment fil-midja soċjali għaliex mhux ta' kwalitá.
Kien hemm min irrimarka li qisu “tat-tielet dinja” jew “only in Malta”.
Mill-istess risposta tal-Ministru Mizzi jingħad li għalkemm dan ix-xelter ma naqqasx mill-aċċessibilitá fuq il-bankina ma jilħaqx l-istandards kif stipulati fil-policy ta' Transport Malta.
Mhux magħruf jekk dan ix-xelter hux se jitneħħa.
Għaldaqstant Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar għamel dan ix-xelter temporanju wara li kien ilu jilmenta fuq il-bżonn ta' stejġ f'dawk l-inħawi.
Ix-xelter sar ukoll biex jinqdew in-nies li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku biex ikollhom ilqugħ temporanju mix-xemx.
Sorsi qrib il-Kunsill qalu ma' Newsbook.com.mt li l-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar kien qed jipprova jsib sponsor biex isir l-istejġ, iżda jeħtieġ full building permit mill-MEPA.
Dan il-permess irid minn tal-inqas tliet xhur biex jiġi approvat u kien għalhekk li ttieħdet id-deċiżjoni li jsir ix-xelter għax-xhur sħan tas-sajf.
Talbiet għal stejġis oħra saru mhux biss għal San Pawl il-Baħar imma wkoll għal Buġibba.