Disa’ persuni arrestati wara li kienu fil-pussess tad-droga

Disa’ persuni qed jinżammu arrestati inkonnessjoni ma’ sejbiet ta’ droga kokaina u kannabis. 

Irriżulta li s-Sibt filgħaxija ġew arrestati ħames persuni li f’residenza fis-Siġġiewi kellhom fil-pussess tagħhom id-droga kokaina u kannabis. Dawn huma raġel ta’ 27 sena u ieħor ta’ 30 sena, it-tnejn residenti s-Siġġiewi, raġel ieħor ta’ 27 sena residenti Ħal Qormi u żewġ nisa ta’ 20 u 23 sena residenti s-Siġġiewi u San Pawl il-Baħar rispettivament.

Intant, wara rapport li l-pulizija rċiviet saret tfittxija oħra f’farmhouse fis-Siġġiewi stess fejn kien qiegħed isir party mingħajr il-permessi neċċessarji, kif ukoll kienu qed isiru attivitajiet illegali.  Hemmhekk ġew arrestati erba’ persuni li nstabu fil-pussess tad-droga kokaina u kannabis. Il-persuni huma tlett irġiel ta’ 18, 21 u 24 sena residenti s-Siġġiewi u mara ta’ 42 sena residenti San Pawl il-Baħar.