Direttur tal-Leisure Clothing kien jaqla €30,000 u l-ħaddiema €70

Fil-Qorti ntqal li direttur tal-kumpanija Leisure Clothing kien qed jingħata paga ta’ €30,000 filwaqt li l-ħaddiema kien qed jingħataw €70 fix-xahar f’xift ta’ 14-il siegħa kuljum.
Id-direttur ammetta li kien qed iżomm kopji ta’ kuntratti tax-xogħol li jindikaw li l-ħaddiema kienu qed jingħataw paga ta’ €680 fix-xahar.
Qal li dawn id-dokumenti kien qed iżommhom minħabba spezzjonijiet tal-uffiċjali tal-ETC.
Fil-kumpilazzjoni tal-provi kontra żewġ diretturi tal-Leisure Clothing, il-Pulizija qalet li meta dehru l-ewwel rapporti fil-midja, direttur minnhom kien se jmur Ruma u għalhekk ittieħdu l-prekawzjonijiet u ħareġ mandat għall-arrest.
Intqal ukoll li fost l-affarijiet li nstabu fid-dar tiegħu kien hemm konvenju għall-bejgħ ta’ propjeta’ b’valur ta’ aktar minn €537,000.
Il-każ se jkompli fid-9 ta’ Frar li ġej.