Direttur immultat €10,000 għall-mewt ta’ ħaddiem tal-kostruzzjoni

Read in English.

Direttur ta’ kumpanija laqqat multa ta’ €10,000 wara li nstab ħati li kiser ir-regoli tas-saħħa u s-sigurtà f’sit tal-kostruzzjoni. Dan wassal biex ħaddiem miet fl-2014.

Fi stqarrija, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) qalet li d-direttur ta’ 33 sena mill-Imqabba nstab ħati mill-Maġistrat Nadine Lia. L-OHSA kienet qed tgħin lill-prosekuzzjoni.

L-inċident kien seħħ f’Marzu tal-2014 fil-Mosta. Ħaddiem barrani kien waqa’ erba’ sulari meta kien qed inaddaf il-konkos żejjed li kien inqabad bejn il-bricks mix-xifer tal-binja li ma kellha l-ebda tip ta’ lqugħ.

Il-vittma ma kienx liebes ilbies protetttiv li bih “seta’ faċilment jiġi evitat dan l-inċident fatali”. Instab li l-vittma ma kienx ingħata taħriġ dwar is-saħħa u s-sigurtà u kien jitħalla jaħdem waħdu.

Id-direttur instab ħati li naqas milli jħares is-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati tiegħu. Instab ukoll li naqas milli jassigura li jagħti b’xejn u li jintuża tagħmir protettitv fil-kumpanija.

Il-kuntrattur naqas ukoll milli jieħu miżuri biex jiġu evitati waqgħat mill-għoli.