Direttur ġdid għal Caritas Malta

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna ħatar lil Anthony Gatt bħala d-Direttur il-ġdid tal-entità tal-Knisja Caritas Malta.

Anthony Gatt se jkompli jaħdem biex il-Knisja, permezz tal-Caritas, issaħħaħ is-servizzi li toffri bla ħlas b’mod partikolari fil-qasam tar-rijabilitazzjoni mid-droga, il-ħidma b’risq il-fqar u l-familji li għaddejjin minn problemi soċjali, u l-ħidma favur il-ġustizzja soċjali u l-iżvilupp tal-persuna.

Fuq Twitter, l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna feraħ lil Gatt għall-pożizzjoni ġdida tiegħu u rringrazzja lill-eks Direttur Leonid McKay.

Fi stqarrija, l-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li Gatt twieled fl-1976. Huwa psikologu li ilu jaħdem fil-qasam tal-għajnuna soċjali mill-1999. Iggradwa mill-Università ta’ Malta fil-psikoloġija u l-ewwel impjieg tiegħu kien ma’ Caritas Malta bħala koordinatur tal-voluntiera.

Gatt kiseb Masters fil-Counselling Psychology mill-Università ta’ British Columbia f’Vancouver, il-Kanada. Kompla l-ħidma tiegħu bħala psikologu fil-qasam tar-rijabilitazzjoni mid-droga mal-Aġenzija Sedqa. Ħadem għal numru ta’ snin fil-privat qabel ma’ reġa’ ingħaqad ma’ Caritas Malta f’dawn l-aħħar 3 snin. Fil-Caritas kellu r-rwol ta’ kordinatur kliniku fejn ikkordina l-firxa wiesgħa ta’ servizzi u programmi ta’ rijabilitazzjoni mid-droga.

Mill-2004, serva wkoll bħala visiting lecturer ġewwa l-Università ta’ Malta fejn għallem fil-qasam tal-counselling u l-psikoterapija, il-psikoloġija umanista u l-psikoloġija tal-organizzazjonijiet. Matul is-snin serva fuq diversi bordijiet tal-Knisja u tal-Istat, fosthom il-bord professjonali tal-psikoloġi u l-bord tal-ħabs għar-rijabilitazzjoni mid-droga. Għal diversi snin serva wkoll fil-kunsill tal-Kamra Maltija tal-Psikologi.

Skont l-Arċidjoċesi, Gatt huwa ispirat mit-tagħlim soċjali tal-Knisja u mill-imħabba tal-Papa Franġisku għall-batut.

Gatt isib fil-Caritas dar naturali bil-bibien dejjem miftuħa għal min hu waħdu, fqir u mtaqqal mid-diffikultajiet tal-ħajja. Fi kliem Gatt, “Caritas Malta hi dar li tagħti wens, serħan u dinjitá, tama u fejqan. Dar fejn il-bniedem jagħraf is-sbuħija tiegħu f’komunjoni mal-oħrajn”.

Anthony Gatt huwa miżżewweġ lil Marisa u għandhom ħamest itfal ta’ bejn it-tliet snin u l-14-il sena.

Stqarrija tal-Arċidjoċesi ta’ Malta