Direttur fl-Università tgħid li ġie mdgħajjef il-każ ta’ Zarb

Dr Anna Borg, Direttur taċ-Ċentru għall-Istudji tax-Xogħol fl-Università ta’ Malta qalet li Tony Zarb “żeblah” lin-nisa li kienu qed jipprotestaw u waqqalhom ġieħhom.
Bħall-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa, Dr Anna Borg qalet li tħossha ddiżappuntata b’din l-aħbar għax qalet li l-każ ġie mdgħajjef (downplayed).
Waqt il-programm Follow-Up fuq RTK, Borg qalet li stenniet li l-awtoritajiet f’Malta jagħtu aktar importanza lil każ bħal dan. Stenniet li “la f’Malta għandna Gvern li jgħid li huwa femminista”, xi ħaġa bħal din tingħata l-mertu li jistħoqqilha għax l-akkuża issa hija ferm inqas gravi.
Hija kienet qed tirreġixxi għall-aħbar li Tony Zarb mhux se jiġi mħarrek fuq użu ta’ hate speech, diskors ta’ mibegħda, iżda fuq użu ħażin tat-teknoloġija.
Spjegat li n-nisa preżenti quddiem Kastilja kellhom kull dritt li jipprotestaw daqs kemm il-Unjin, li Zarb kien jirrappreżenta, kellha kull dritt tipprotesta fil-passat.
3 minn kull 4 nisa jħossuhom iffastidjati sesswalment fuq il-post tax-xogħol – Studju
Dwar l-istatistika li tlieta minn kull erba’ nisa Maltin iħossuhom iffastidjati sesswalment fuq il-post tax-xogħol, Anna Borg qalet li dan kien studju xjentifiku b’kampjun ta’ 600 persuna.
Spjegat li l-problema hija “kważi endemika” għaliex skont hi, kważi “f’kull post tax-xogħol ħa ssib nisa li f’ħajjithom marru għax-xogħol u f’xi ħin tal-ġurnata jsibu lil xi ħadd li jagħmel avvanzi”.
Qalet ukoll li l-fastidju sesswali jsir f’ħafna forom differenti. Sostniet li mhux sorpriża b’dan ir-riżultat tal-istħarriġ għax qalet li “din ir-riċerka kkonfermat dak li jiġri f’pajjiżi oħra”.
Dwar jekk il-fastidju sesswali hux relattiv minn persuna għall-oħra, Borg qalet li l-kelma tal-persuna għandha tiġi rispettata, filwaqt li qalet li f’każi bħal dawn, il-kelma tal-mara m’għandha qatt tiġi interpretata b’ċajta.
Tista' tisma' l-programm hawnhekk.