Aġġornata: Direttivi mill-Vatikan ma jaffettwawx persuni coeliac f’Malta

Direttivi maħruġa mill-Vatikan dwar l-ostji li jintużaw għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija mhux se jkunu qed jaffettwaw persuni coeliac f’Malta.
F’ittra mibgħuta lill-Isqfijiet mill-Kongregazzjoni tal-Vatikan għall-Qima Divina u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, fuq talba tal-Papa Franġisku, tgħid li l-ostji li jintużaw fil-Liturġija jistgħu jkunu low-gluten.
Dwar dan Newsbook.com.mt tkellem mal-Accoċjazzjoni Maltija għall-Persuni Coeliac li kkonfermat li għal Malta mhu se jinbidel xejn. Fi stqarrija, il-Kurja qalet ukoll li ma hemm l-ebda tibdil fl-ostji li jintużaw diġà minn persuni ceoliac. 
Fil-fatt, l-ittra tgħid ċar u tond li l-Knisja taċċetta ostji low-gluten. Dawn huma l-ostji impurtati mill-Assoċjazzjoni Coeliac u huma aċċettati wkoll mill-Kurja tal-Arċisqof.
Il-Kongregazzjoni tal-Vatikan għall-Qima Divina u d-Dixxiplina tas-Sagramenti tgħid biss li l-Liturġija ma taċċettax  ostji li mhux magħmulha d-dqiq, jiġifieri ostji kompletament bla glutina (gluten free).
Dawk il-persuni li l-kundizzjoni tagħhom ma tippermettix li jikkonsmaw lanqas prodotti li huma low-gluten jistgħu jitqarbnu bl-inbid.
L-inbid li jintuża fil-Quddies, f’kull ċirkostanza, għandu jibqa’ dak naturali, magħmul mill-għeneb u jkun pur mingħajr l-ebda żieda ta’ sustanza oħra.
L-ittra li ntbagħtet mill-Isqfijiet tidħol f’diversi punti oħra. Fost dawn tappella biex dawk kollha li jipproduċu l-ħobż u l-inbid li jintuża fil-Quddies, iżommu f’moħħhom li dak li qed jagħmlu huwa għas-Sagrifiċċju tal-Ewkaristija u għalhekk għandhom ikunu onesti, responsabbli u kompetenti.
Tappella, biex fejn possibbli, il-Konferenzi Episkopali jieħdu ħsieb iqabdu Kongregazzjoni Reliġjuża jew inkella xi ħadd ta’ fiduċja, li jissorvelja l-produzzjoni, il-konservazzjoni  u l-bejgħ tal-ħobż u l-inbid li jintuża fl-Ewkaristija.
Dwar dan, l-istqarrija tal-Kurja tgħid li ċ-ċirkolari maħruġa mill-Vatikan tikkonferma n-normi maħruġa fl-2003, li huma osservati wkoll mill-postijiet awtorizzati li jbigħu l-ostji fl-Arċidjoċesi ta' Malta.