Direttivi mill-Isqfijiet dwar il-Ġimgħa Mqaddsa, preċett, griżma u festi

Read in English.

L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex qed joħorġu iktar direttivi fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Dan dwar il-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-Kbir, l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof, u l-festi.

Il-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-Kbir

  • Din is-sena ma jsirux manifestazzjonijiet pubbliċi fid-Duluri u tul il-Ġimgħa Mqaddsa, inkluż Ħadd il-Palm, il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir.
  • Se jintbagħtu direttivi dettaljati lill-kappillani, superjuri reliġjużi u saċerdoti, dwar iċ-ċelebrazzjonijiet fil-knisja b’rabta mal-Ġimgħa Mqaddsa.
  • Il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira din is-sena ma jsirux. Dejjem jekk is-sitwazzjoni tkun tippermetti f’dak iż-żmien, il-pellegrinaġġ tad-Duluri jista’ jsir f’Settembru b’rabta mal-Festa tad-Duluri fil-15 ta’ Settembru.

L-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof

Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel Tqarbina u tal-Griżma tal-Isqof, li kienu ppjanati għal qabel is-sajf 2020, huma posposti għal aktar tard meta s-sitwazzjoni titjieb u jkun possibbli li jibdew isiru mill-ġdid dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.

Festi

Il-festi kollha li kienu ppjanati li jsiru fil-parroċċi u fil-knejjes sal-aħħar ta’ din is-sena (2020) jistgħu jsiru biss wara li l-awtoritajiet tas-saħħa jkunu taw il-permess li jistgħu jinġabru flimkien nies f’attivitajiet pubbliċi, u f’kull każ, għal din is-sena 2020, isiru biss f’din il-forma:

  • Il-Ħadd biss (jew f’jum ta’ festa pubblika) isir pellegrinaġġ ta’ talb u ringrazzjament bil-vara meqjuma f’dik il-festa.
  • Dakinhar issir ukoll quddiesa tal-festa fil-knisja.
  • Ma jkunx hemm ċelebrazzjonijiet oħra interni jew esterni.
  • Dawn id-direttivi ħarġu mill-Arċisqof Charles Scicluna, l-Amministratur Appostoliku għal Għawdex Mario Grech u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn