Direttivi għall-infermiera u l-qwiebel għax ma ntlaħaqx qbil mal-Gvern

Read in English.

L-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) ħarġet għadd ta’ direttivi għall-membri tagħha wara li ma ntlaħaqx qbil mal-Gvern fuq il-ftehim settorjali.

L-MUMN qalet li d-Diviżjoni tas-Saħħa u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qegħdin jirrifjutaw li jiftħu mill-ġdid il-ftehim settorjali tal-infermiera u l-qwiebel sabiex jindirizzaw id-diskrepanzi li hemm mal-ftehim għall-professjonisti tal-Allied Health.

L-unjin kitbet lill-membri tagħha dalgħodu biex tgħidilhom li l-laqgħat ma rnexxewx, minkejja li d-Diviżjoni tas-Saħħa u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru rrikonoxxew id-diskrepanzi fl-aspetti finanzjarji fiż-żewġ ftehimiet. Dawn ma kellhom xejn kredibbli x’joffru minkejja li jagħrfu s-sagrifiċċji li jagħmlu l-infermiera u l-qwiebel, qalet l-MUMN, partikolarment kemm hawn nuqqas tagħhom bħalissa, u kif hemm għadd ta’ infermiera kwarantina għax ġew esposti għall-Covid-19.

L-MUMN qiegħda titlob li, fost affarijiet oħra, l-infermiera u l-qwiebel kollha jitħallsu daqs kemm jitħallsu l-professjonisti tal-Allied Health, li l-ħaddiema jitilgħu fi skala 6 mingħajr perjodu interim ta’ skala 7 għal tliet snin, li t-taħriġ jiżdied skont ma hemm imniżżel fil-ftehim mal-Allied Health.

Għaldaqstant, l-unjin iddeċidiet li toħroġ direttivi peress li d-Diviżjoni tas-Saħħa u l-OPM qed jirrifjutaw li jibqgħu jiltaqgħu magħha biex jiddiskutu dan.

Id-direttivi jinkludu li ma ssirx kordinazzjoni mill-infermiera u l-qwiebel dwar il-pazjenti li jiġu rilaxxati mill-isptar, li jiddaħħlu l-isptar jew dwar it-trasferiment ta’ pazjenti. Direttiva oħra hi li l-infermiera u l-qwiebel ma jagħmlux rapport f’każ li jkun hemm xi ħsara f’xi sala jew żona fl-isptar. Huma lanqas ma jridu jieħdu d-demm tal-pazjenti.

Id-direttivi japplikaw minn nhar l-Erbgħa fis-7am, u jgħoddu għall-infermiera u l-qwiebel fl-Isptar Mater Dei, fir-Residenza San Vinċenz de Paule, fl-Isptar Monte Karmeli, fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, fl-Isptar Karin Grech u fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo.

Dwar il-ħaddiema ta’ Steward Health Care
Mhux ġust u ekwu li jbatu l-pazjenti – Ombudsman