Direct orders mill-OPM għal Zammit Lewis u Deborah Schembri

Dr Edward Zammit Lewis u Deborah Schembri, li sal-elezzjoni ġenerali tal-2017 kienu Ministru u Segretarju Parlamentari rispettivament ingħataw xogħol ta’ konsulenza b’direct order mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Dawn kienu parti minn konsulenzi li ngħataw b’direct orders fl-2017 li jammontaw iktar minn €10 miljun. Mhux magħruf jekk id-direct orders ingħatawx waqt li kienu għadhom fil-kabinett tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Dr Muscat ippubblika din l-informazzjoni mitluba mid-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi għall-mistoqsija parlamentari fuq il-konsulenzi legali mitluba mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru lill-entitajiet privati.

L-istess lista turi wkoll li fost il-konsulenti kien hemm iben l-avukat Pawlu Lia, l-avukat tal-Partit Laburista, kif ukoll Adrian Hillman, id-Direttur Maniġerjali ta’ Allied Newspapers, li allegatament tħallas €650,000 miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri f’kontijiet sigriet fil-British Virgin Islands.