Direct orders: miljuni għall-anzjanità, eluf għad-diżabbiltà

Il-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali nefaq kważi €11.8 miljun f’direct orders bejn id-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità u r-Residenza San Vinċenz de Paule, u €13,800 fil-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà.
Dawn iċ-ċifri ppreżentahom fil-Parlament il-Ministru Michael Falzon, huwa u jwieġeb għall-mistoqsija tal-Membru Parlamentari Nazzjonalista, Ivan Bartolo.
Bartolo saqsa sabiex jingħata lista dettaljata tad-direct orders kollha mogħtija mill-Ministeru kif ukoll kull entità li taqa’ taħt dan id-dekasteru ta’ Falzon, fl-ewwel sitt xhur ta’ dis-sena.
Mid-dejta, jidher li l-aktar li ngħataw direct orders huma għall-anzjanità attiva u lir-residenza San Vinċenz de Paule.
Minkejja dan, l-inqas entità li nħarġu direct orders għaliha hija dik għall-persuni b’diżabbiltà. L-unika direct order maħruġa kienet għax-xiri ta’ karozza ġdida għall-użu tal-uffiċċju minflok waħda skrappjata.
L-akbar spiżi għad-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva kienu fuq ix-xiri ta’ 167 sodda għall-Homes for the Elderly tal-Arċidjoċeżi, u t-tqassim tal-ikel fid-djar residenzjali. Min-naħa l-oħra s-servizzi għall-ħarsien u dawk tal-ikel kienu fuq quddiem nett tan-nefqiet f’direct orders f’San Vinċenz de Paule.
Wara dawn, l-akbar ammont ta’ dierct orders ingħata għall-entità SAPPORT, għall-Ministeru għall-Awtorità tad-Djar, rispettivament.