Direct order mill-Enemalta: Il-PN b’appell lill-Ministru Farrugia

Ritratt: Leon Xuereb

Il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Ministru responsabbli għall-Enemalta, Michael Farrugia, biex jiżgura li d-direct order ta’ €6,000 lill-kumpanija BEAT Ltd jiġi rtirat u biex kemm il-kumpanija u David Galea – sid tal-maġġoranza tal-ishma, ma jkollhom l-ebda involviment ieħor fil-proġett tal-powerstation il-ġdida u r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwaru.

Fi stqarrija, il-PN qal li din id-direct order, żvelata minn The Shift News, ingħatat lill-kumpanija BEAT Ltd, biex tipprova tagħmel ‘coverup tar-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar tbagħbis fl-għoti tal-kuntratti għall-bini tal-powerstation u x-xiri tal-provvista tal-elettriku”.

Il-kelliema tal-Oppożizzjoni Ryan Callus u Karol Aquilina saħqu li dan id-direct order huwa konferma ta’ kemm il-Gvern immexxi minn Robert Abela se jkompli fuq il-passi tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Saħqu li “din id-deċiżjoni tal-Enemalta, li saret bil-barka tal-Gvern, tmur kontra l-prinċipji ta’ kontabbilità u governanza tajba. Irrimarkaw li l-kumpanija BEAT Ltd kienet diġà ngħatat €150,000 f’direct orders b’rabta mal-aġġudikazzjoni tat-tender għall-bini tal-powerstation il-ġdida, u għalhekk kienet parteċipi b’mod sħiħ, f’dak li sejħu l-iktar proġett korrott fl-Istorja ta’ Malta. Callus u Aquilina insistew li dan ipoġġi lill-BEAT Ltd f’kunflitt ta’ interess.

Il-PN qal li l-Awditur Ġenerali, fir-rapport tiegħu, ikkonkluda li l-kumpanija BEAT Ltd kienet wettqet nuqqasijiet serji fl-aġġudikazzjoni ta’ dan it-tender. Il-kelliema għaldaqstant saħqu li b’hekk din il-kumpanija m’għandha qatt tkun fdata.

Fl-istqarrija, il-PN stqarr li David Galea, l-azzjonist li huwa s-sid tal-maġġoranza tal-ishma fil-kumpanija BEAT Ltd, huwa: persuna qrib ħafna u ħabib tal-eks Ministru Konrad Mizzi; taħt il-Ministru Mizzi kien magħżul biex imexxi l-iktar kumitat importanti fl-għażla tal-offerti dwar il-bini tal-powerstation il-ġdida; u taħt il-Ministru Mizzi, kien magħżul bħala l-Project Director tal-bini tal-powerstation il-ġdida.

Il-kelliema tal-Oppożizzjoni saħqu li “fir-rapport tiegħu l-Awditur Ġenerali kien sab li David Galea kien inkonsistenti f’xogħlu, b’mod partikolari meta eskluda numru ta’ offerenti għal xi nuqqasijiet, meta offerenti oħra, inkluż l-offerent preferut ElectroGas Malta Ltd, inżammu fil-proċess minkejja li kellhom l-istess nuqqasijiet”.
 
L-Awditur Ġenerali kien sab ukoll “li l-konklużjonijiet tal-proċess tal-għażla kienu kkomunikati qabel ma’ ġew approvati mir-Review Board u li l-proċess ta’ due diligence tħalla barra. Fost oħrajn dan il-Kumitat tal-għażla kellu fih il-kumpanija NEXIA BT li hija wkoll il-konsulent finanzjarju ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri u li kienet involuta wkoll fit-twaqqif ta’ kumpanija u ftuħ ta’ kontijiet sigrieti fil-Panama għal Keith Schembri u Konrad Mizzi”.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li “l-konklużjonijiet tal-Awditur Ġenerali dwar il-proġett tal-power station il-ġdida jiġu osservati u rispettati mill-Gvern u mhux li l-Gvern ikompli jabbuża minn fondi pubbliċi biex jipprova jgħatti l-ikbar monument tal-korruzzjoni li minnu l-poplu Malti qed jhallas f‘kontijiet tad-dawl u l-ilma ‘l fuq minn €86 miljun minħabba kumpaniji li ghadhom hemm sa llum”.