“Diplomazija u djalogu bejn l-Istati Uniti u l-Korea” – Isqof Amerikan

Iċ-Chairman tal-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi fl-Istati Uniti saħaq dwar il-bżonn ta’ diplomazija u impenn politiku sabiex jiġu solvuti d-differenzi bejn l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq u jiġi evitat kunflitt militari.
F’ittra li bagħat lis-Segretarju tal-Istat Rex Tillerson, l-Isqof Oscar Cantu qal li t-theddida tal-vjolenza ma tistax titwarrab, iżda l-Istati Uniti għandha bżonn taħdem ma’ pajjiżi oħra fil-komunità internazzjonali biex issib soluzzjoni bbażata fuq id-djalogu.
L-ittra tal-Isqof Cantu waslet jiem wara sensiela ta’ battibekki ħorox bejn il-President tal-Istati Uniti Donald Trump u l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong Un. Jgħid li jaqbel mal-pożizzjoni li ħadu l-Isqfijiet tal-Korea t’Isfel favur taħdidiet umanitarji.
L-Isqof Cantu sostna li t-triq tad-djalogu biss tista’ toffri lill-peniżola Koreana futur ħieles minn kunflitti militari.