Dipartiment ġdid fil-Vatikan għad-diplomatiċi

Il-Papa waqqaf dipartiment ġdid fil-Vatikan biex jieħu ħsieb il-ħidma diplomatika. Din hi parti mir-riforma li Franġisku qed jagħmel fil-Kurja Vatikana filwaqt li din turi l-apprezzament tiegħu għall-ħidma tad-diplomazija pontifiċja.
Għalkemm il-Vatikan hu wieħed mill-iżgħar stati sovrani fid-dinja, is-servizz diplomatiku tiegħu hu mifrux mad-dinja kollha tant li l-Istati Uniti biss għandhom servizz diplomatiku mifrux aktar minn dak tal-Vatikan.
Id-dipartiment il-ġdid se jkun inkarigat li jara l-ħidma tad-diplomatiċi tal-Vatikan u jkun involut ukoll fil-ħatra tagħhom, fl-avvanzi fil-karriera tagħhom kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol. 
Il-Kap ta’ dan id-Dipartiment se jkun l-Arċisqof Pollakk Jan Romeo Pawlowski.
Dan l-uffiċċju se jservi bħal dipartiment tar-Riżorsi Umani fis-Segretarjat tal-Istat tal-Vatikan li hu responsabbli mill-ħidma tat-300 saċerdot diplomatiku fis-servizz tal-Vatikan.
Il-Papa u l-Kunsill ta’ disa' kardinali li ħatar biex jgħinuh fil-ħidma tiegħu issa ilhom għal xi żmien jikkunsidraw ir-rwol tan-Nunzji Appostoliċi u kif dawn jistgħu jkunu megħjuna aħjar fil-ħidma tagħhom.
Fid-19 ta’ Ottubru li għadda l-Papa bagħat ittra lill-Kardinal Pietro Parolin, is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, li fiha spjega li kien se jwaqqaf dan id-dipartiment għax “konvint li għandi nagħti aktar attenzjoni fraterna u akkumpanjament uman, saċerdotali u spiritwali b’mod professjonali lil dawk li qed jaqdu rwol diplomatiku fis-Santa Sede u lil dawk li qed jistudjaw biex jidħlu f’dan is-servizz fosthom l-istudenti tal-Akkademja Ekkleżjastika Pontifiċja”.
Id-diplomatiċi tal-Vatikan jingħażlu minn fost saċerdoti li għamlu żmien jistudjaw f’Ruma li mbagħad jintbagħtu fl-imsemmija akkademja għal taħriġ intensiv li matulu jkunu mistennija jitgħallmu sew numru ta’ lingwi differenti.
Wara dan il-perjodu jagħmlu żmien jaħdmu fid-Dipartiment tal-Istat qabel jinħatru arċisqfijiet biex ikunu jistgħu jservu bħala nunzji appostoliċi.
Is-Santa Sede għandha relazzjonijiet diplomatiċi ma’ 183 stat u n-nunzji u l-istaff tagħhom iridu jkunu ppreparati jservu f’pajjiżi ferm differenti mill-kultura ta’ pajjiżhom u anke f’pajjiżi fejn hemm periklu, bħalma hi s-Sirja u partijiet mill-Afrika.