Dione Borg jipproponi li titwaqqaf Kummissjoni ta’ Ħidma fi ħdan il-PN

L-eks kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew mal-Partit Nazzjonalista Dione Borg qal li s-soluzzjoni għall-Partit mhix il-konfrontazzjoni jew xi petizzjoni, imma jeħtieġ li jkun hemm soluzzjonijiet konkreti. Għaldaqstant, Borg ippreżenta ittra lill-Partit Nazzjonalista biex fil-Kunsill Ġenerali li jitlaqqa’ jiġu diskussi proposti għall-ġejjieni tal-Partit, peress li fi kliemu, dan hu “mument ta’ deċiżjonijiet.” Il-proposta ewlenija ta’ Borg fl-ittra tiegħu hi li titwaqqaf Kummissjoni ta’ Ħidma.

Aqra: Aġġornata: Petizzjoni PN: “Jinbeda l-proċess biex jissejjaħ il-Kunsill Ġenerali” – Debono

Fl-ittra, il-ġurnalist speċifika li din il-Kummissjoni għandu jkollha terminu speċifiku sabiex tressaq numru ta’ proposti u riformi lill-amministrazzjoni tal-PN. Skontu, din għandha tibda tiffunzjona b’mod immedjat sabiex tlesti rapport sa Settembru li ġej biex il-Partit jibda l-proċess ta’ implimentazzjoni bejn Settembru u tmiem l-2019.

Aqra: Filmat: “In-Nazzjonalisti ma ħarġux jivvutaw għal diversi raġunijiet” – Borg

Fost il-proposti li ssuġġerixxa Borg, hemm li l-PN itejjeb u jirriforma l-ħidma interna tiegħu u l-mod kif iwassal il-messaġġ politiku tiegħu, li titjieb u tiġi riformata r-relazzjoni u d-distinzjoni bejn l-amministrazzjoni u l-Grupp Parlamentari, li jkun hemm irwoli iżjed effettivi għall-kelliema tal-Partit, u li jinħolqu spazji politiċi ġodda fi ħdan il-Partit. Barra minn dan, Borg ippropona li l-Kummissjoni ta’ Ħidma tibda b’numru ta’ laqgħat distrettwali ma’ attivisti varji biex tidentifika x’riformi huma meħtieġa.

Aqra: Filmat: Pawża mill-attivitajiet politiċi tal-PN tal-Ħadd għas-sajf – Delia

Aqra l-ittra sħiħa ta’ Borg hawn.