“Dinja maħbuba minn Kristu, imma dinja marida”

Fl-ewwel laqgħa tal-Papa Franġisku għal din is-sena mal-korpi diplomatiċi u l-ambaxxaturi, il-Papa rrifletta fuq l-istat tad-dinja, “dinja li hi maħbuba minn Kristu, madanakollu dinja li hi marida”.
Minkejja li l-għadd ta’ immigranti qiegħed jikber u jġib miegħu diversi sfidi, il-Papa qal li d-dinjità umana għal dawk li qed ifittxu ħajja aħjar m’għandhiex tiġi mittiefsa.
Il-Papa qal li ħsibijietu jmorru fuq l-Ewropa, li matul l-aħħar sena rat mewġa ta’ refuġjati, li ħafna minnhom mietu waqt il-vjaġġ.
Żied jgħid li ħafna immigranti mill-Asja u l-Afrika jaraw sinjal ta’ prinċipji fl-Ewropa, fosthom ta’ ugwaljanza u dinjità,  imħabba għall-proxxmu irrispettivament mill-orġini jew l-affiljazzjoni, il-libertà tal-kuxjenza u s-solidarjetà.
Waqt id-diskors tiegħu l-Papa appella għat-tmiem tat-traffikar ta' persuni.
Issokta jgħid li hemm bżonn ippjanar fit-tul u mhux limitat għar-reazzjonijiet ta’ emerġenza.
Il-pjanijiet għandhom jinkludu għajnuna effettiva għall-integrazzjoni tal-immigranti fil-pajjiżi li jaslu, filwaqt li jippromwovu l-iżvilupp ta’ pajjiżhom permezz ta’ politika ispirata mis-solidarjetà.
Huwa qal li dawk il-pajjiżi li jaċċettaw l-immigranti jkollhom l-opportunità biex iwessgħu l-orizzonti kemm tal-immigranti kif ukoll tagħhom.
Temm jgħid li l-immigranti li jiġu aċċettati f’soċjetà ġdida "għandhom ir-responsabbiltà li jirrispettaw il-valuri, it-tradizzjonijiet u l-liġijiet tal-komunità li jilqgħuhom”, filwaqt li dawk li jilqgħuhom "huma msejħa biex jirrikonoxxu l-kontribuzzjoni benefiċċjali tal-immigranti li jagħmlu għall-komunità”
Il-Papa Franġisku tkellem dwar l-attitudni individwalista, li “hija ħamrija fertili li twassal biex inħarsu lejn il-ġirien tagħna biex narawhom f’termini purament ekonomiċi”.
Il-Papa qal li n-nuqqas tat-tħassib għall-umanità twassal għal sentimenti ta’ biżgħa.
Temm id-diskors tiegħu billi sostna li s-Santa Sede mhux se tieqaf mill-ħidma tagħha għall-paċi u milli tħeġġeġ għal aktar koperazzjoni.
Huwa esprima t-tama tiegħu li l-Ġublew tal-Ħniena jkun “okkażjoni biex is-sħana tal-ħniena tirbaħ l-indifferrenza kiesħa ta’ tant qlub, biex ir-rigal prezzjuż ta’ Alla jdawwar il-biżgħa fi mħabba”.