“Dingi qed jegħreq b’46 persuna fuqu; Malta responsabbli” – Alarm Phone

Aġġornat 09:54 AM

L-NGO Alarm Phone appellat lill-awtoritajiet Maltin sabiex immedjatament jiskattaw ħidma ta’ salvataġġ hekk kif dingi b’46 persuna abbord qed jegħreq fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija.

F’sensiela ta’ tweets, l-NGO qalet li rċeviet informazzjoni li hemm dingi f’periklu fiż-żona ta’ tiftix u salavataġġ Maltija. Qalet li abbord hemm 46 persuna li qed jaħarbu mil-Libja, inkluż mara tqila u tliet itrabi. L-għaqda qalet li fil-kuntatt li għamlu mad-dgħajsa saru jafu li l-magna tagħhom mhux qed taħdem sew u għandhom bżonn salvataġġ immedjat.

Ftit tal-ħin wara, il-persuni f’periklu reġgħu għamlu kuntatt mal-istess għaqda u sostnew li issa beda dieħel l-ilma fuq id-dingi. Qalu li kien ilhom fuq il-baħar aktar minn 24 siegħa. Alarm Phone qalet li l-awtoritajiet Maltin huma infurmati u li din il-ħidma ta’ salvataġġ taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Malta.

Fl-aħħar tweet ippubblikata mill-għaqda, ħareġ li l-kuntatt mad-dingi ntilef fil-4.41am. Insistiet li l-awtoritajiet konċernati huma infurmati u għandhom isalvawhom qabel ma jkun tard wisq.

Newsbook.com.mt għamel kuntatt ma’ kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru li spjega li bħalissa hu m’għandux informazzjoni dwar dan il-każ. Qal li dgħajjes ġejjin mil-Libja jfeġġu kuljum. Sostna li jekk hemm waħda li qed tegħreq, “bħas-soltu nippruva nikkordinaw operazzjoni ta’ salvataġġ.” Qal iżda li r-riżorsi tal-pajjiż jibqgħu li huma u li hemm bżonn li l-mistoqsijiet jiġu direzzjonati wkoll lejn l-Unjoni Ewropea.

Bħalissa Malta qed tirrifjuta li toffri port sigur lill-immigranti, anke dawk f’riskju tal-għarqa, hekk kif il-portijiet tal-pajjiż huma magħluqa minħabba l-ġlieda kontra l-imxija tal-coronavirus. L-aħħar salvataġġ ta’ immigranti li ddaħħlu fil-pajjiż seħħ qrib l-Għid il-Kbir. Intant, grupp ta’ 57 immigrant li ġew salvati mill-għarqa riċentament qed jiżnammu fuq vapur tal-Captain Morgan 13-il mil nawtiku ‘l barra mill-pajjiż.