Din mhux moħqrija?!

Ftit tal-jiem ilu Newsbook irċieva dawn ir-ritratti xokkanti ta’ kelba tar-razza boxer, abbandunata fil-Kalkara.

Il-qarrej tagħna li inzerta kien għaddej mill-inħawi, lemaħ il-kelba mixħuta mal-art taħt il-bankina. Maġenbha, jidhru wkoll diversi plastik tas-siringi, li wisq probabli intużaw għad-droga.

Kif jidher fir-ritratti, il-kelba ma kinitx f’saħħitha, tant li l-għadam jidher sew.

B’xi mod, il-kelba rnexxielha timxi xi ftit u litterlament qisha skeletru ħaj. Meta ra l-istat li kienet fih din il-povra kelba, il-qarrej ċempel mill-ewwel għall-ambulanza imma qalilna li din damet ma ġiet 90 minuta.

Newsbook ikkuntattja lill-Animal Welfare għaliex kien hemm dan id-dewmien. Kelliem qalilna li fid-19 ta’ Frar waranofsinhar, l-Animal Welfare irċieva madwar tminn telefonati ta’ għajnuna f’diversi lokalitajiet, fosthom ġie salvat ferħ ta’ qattus minn Wied il-Għajn u kelb fil-Marsa. Wara li lestew mill-operazzjoni ta’ salvataġġ fil-Marsa, l-uffiċjali li kienu xogħol dakinhar baqgħu sejrin il-Kalkara biex jgħinu lill-kelba.

Din ittieħdet għall-kura fiċ-Ċentru ta’ San Franġisk u skont il-veterinarju, il-kelba kienet qed tbati ħafna u anke kellha ferita gravi fuq is-sieq ix-xellugija ta’ wara. Skont l-eżami mediku, il-kelba kellha tumur.

Waqt li kienet qed tiġi eżaminata, il-kelba jidher li ħassha ħażin tant li qalba ma felħitx iktar u waqfet tħabbat u l-kelba tpoġġiet fuq il-magni.

Il-kelliem tal-Animal Welfare qalilna li l-veterinarju ma kellux għażla ħlief li jraqqad il-kelba.

Min jaf għaliex il-kelba kienet waħidha? Forsi sidha ma riedx jieħu ħsieb kelba marida?

info@newsbook.com.mt