​Din l-istorja ta’ ħajjitna – iben Daphne; Filmat juri l-azzjonijiet ta’ mara quddiem il-monument

Wara li ħareġ filmat li juri mara żżarma l-monument tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, it-tifel tal-ġurnalista Matthew Caruana Galizia qal li din hija l-istorja tal-ħajja tal-familja Caruana Galizia.
Il-filmat juri lil mara anzjana tuża’ lasta biex tneħħi fjuri, xemgħat, u ritratt ta’ Daphne Caruana Galizia minn fuq il-Monument tal-Assedju l-Kbir li qed jintuża’ wkoll biex jitpoġġew oġġetti fil-memorja tal-ġurnalista assassinata.
Dwar l-aġir tal-anzjana, Mathew Caruana Galizia qal fuq Facebook li ma jħossux ixxukjat u l-anqas sorpriż. Qal li kiber fil-ħsieb li huwa normali li tmur id-dar biex issir il-kelb tiegħek maqtul, jew li ssib li xi ħadd kien ta n-nar lid-dar tiegħek waqt li tkun rieqed.
Matthew Caruana Galizia qal li l-abbuż beda diversi snin ilu u laħaq il-qofol tiegħu fl-assassinju ta’ ommu. Qal li persuna ma tistax tinqatel darbtejn, allura issa reġa’ beda l-abbuż u l-vilifikazzjoni.
Huwa żied jgħid li li kieku kien preżenti, kien jistaqsi lil din il-mara dwar għalfejn inbidlet f’mostru u jekk tridx li tkun umana. Qal li probabli din l-anzjana qatt ma qrat ix-xogħol tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia u li ingħatat struzzjonijiet mill-partit tagħha biex turi mibgħeda lejn Daphne Caruana Galizia.
Fuq Facebook, Matthew qal li l-familja Caruana Galizia dejjem baqgħet għaddejja minkejja dan l-abbuż kontinwu peress li kellha viżjoni għal Malta differenti. Kompla jiddiskrivi viżjoni ta’ pajjiż li jinsab ħieles fejn il-korruzzjoni tiġi investigata. Qal li dawk li jixtiqulu l-ħażen joboduh minħabba din il-viżjoni ta’ ħelsien li għandu.     

Kelliem għall-Pulizija kien kkonferma li daħal rapport li mara kienet qed tixxuttja u tipprova tneħħi l-fjuri u l-messaġġi. Żied jgħid ma’ Newsbook.com.mt, li l-mara marret hi stess tpoġġi l-fjuri, tfixklet fil-burdura tal-ġebel li hemm madwar il-monument u spiċċat qalbet kollox.

Madanakollu, l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Paul Borg Olivier kien insista ma’ Newsbook.com.mt, li “mara kienet qed tirrabja u titbaqbaq dwar il-fjuri u l-messaġġi” li ta’ kuljum jitpoġġew minn għadd ta’ Maltin u barranin.