Din l-attriċi u preżentatriċi llum tagħlaq 58 sena. Għaraftha?

Din tar-ritratt mhi ħadd ħlief Eileen Montesin li llum qed tiċċelebra għeluq it-58 sena tagħha. Twieldet bħal-lum l-1 ta’ Ottubru tal-1962. Twieldet f’Birkirkara filwaqt li tfulitha għexitha fil-Belt Valletta.

Il-karriera tagħha bdietha wara li ntgħażlet bħala l-aħjar attriċi f’festival ta’ drama li fih kienu jikkompetu l-iskejjel kollha fit-Teatru Manoel. B’hekk bdiet tidher b’mod regolari fuq il-palk bis-saħħa ta’ Mary C. Camilleri li rat fiha potenzjal u tatha parti fil-produzzjoni Jum It-Tieġ.

Matul is-snin Eileen bdiet tistabilixxi ruħha permezz ta’ produzzjonijiet In-Neputija tal-Kappillan, Ejja Tabib Għax Għabdi t-Taqlib, It-Tieġ ta’ Karmena Abdilla u Honeymoon b’Għeruq u Xniexel.

Bdiet ukoll tippreżenta programmi fuq it-televiżjoni bħal Kikku u Sika, L-Aqwa, L-Isbaħ u l-Aħjar, u Blanzuni ’85.

Fis-snin ta’ wara Eileen bdiet tipproduċi wkoll is-sensiliet u films bħal Sossy, Undercover, Deja Vù, K.C., Dejjem Tiegħek Becky, u It’s Morris.

Illum il-ġurnata hija tippreżenta l-programm Club 101 fuq l-istazzjon Net FM u mill-ġranet li ġejjien se tkun qed tirritorna fuq l-istazzjon Net bil-programm Family Affair.

Eileen hija miżżewġa lil Mark Haber u għandhom tifla, Christine, li hi miżżewwġa lil Francesco Catania. Dawn għandhom tifla, Nina, u b’hekk Eileen u Mark huma wkoll nanniet.

Nawguraw l-isbaħ xewqat lil Eileen f’dan il-jum speċjali.