Din l-Art Ħelwa toġġezzjona għal ‘observation wheel’ fil-Furjana

Read in English.

L-NGO Din l-Art Ħelwa daħħlet oġġezzjoni kontra observation wheel proposta fil-Furjana b’għoli ta’ 45 metru, u argumentat li din ikollha impatt negattiv fuq il-karattru storiku u l-apparenza tal-Furjana u tal-Belt Valletta, u anke tal-orizzont Malti. Apparti dan, l-NGO saħqet ukoll li din l-istruttura ċċekken il-Knisja Parrokkjali ta’ San Publiju, il-Fosos u l-Ġnien tal-Mall. Taffettwa wkoll il-Funtana tat-Tritoni u d-daħla għall-Belt Valletta.

Għal din ir-raġuni, Din l-Art Ħelwa, f’oġġezzjoni formali li daħħlet, qalet li l-bini ta’ din l-istruttura jikser il-Policy GF11 tal-Pjan Lokali tal-Port il-Kbir (April 2002) li jgħid li l-ebda żvilupp m’għandu jisraq mill-veduta ta’ u minn żona urbana ta’ konservazzjoni (UCA). L-NGO kkwotat ukoll żewġ objettivi oħra li jinkisru bil-bini ta’ din l-istruttura.

Barra minn hekk, skont id-disinji, is-sit jieħu 600 metru kwadru ta’ art. Din l-Art Ħelwa qalet li filwaqt li din l-art diġà tintuża għal parkeġġ, sikwit tintuża wkoll għal avvenimenti pubbliċi kbar bħal kunċerti. B’hekk, bil-bini, tinkiser Policy GF13 tal-pjan imsemmi qabel.

It-tielet raġuni msemmija minn Din l-Art Ħelwa hija li din il-ferris wheel tieħu post tal-inqas 30 spazju tal-parkeġġ. Qalet li minkejja li dan ma jidhirx numru kbir, dan għandu jkollu konsegwenzi kbar fuq is-sitwazzjoni diġà skabruża.

Il-Kunsill Lokali tal-Furjana kien diġà oġġezzjona għal din il-ferris wheel is-sena li għaddiet, f’April tal-2018, meta din ġiet riklamata fil-Gazzetta tal-Gvern. Il-Kunsill talab kjarifika dwar jekk din kinitx se tkun temporanja jew permanenti. Huwa kien semma wkoll il-punti elenkati minn Din l-Art Ħelwa dwar il-wirt storiku u l-parkeġġ fiż-żona.

Il-pubbliku għandu ċans sal-21 ta’ Ġunju biex iressaq l-oġġezzjonijiet tiegħu.