​Din l-Art Ħelwa tappella lill-Gvern biex jipproteġi l-patrimonju kulturali

Waqt il-laqgħa ġenerali annwali tal-għaqda Din l-Art Ħelwa (DLĦ), il-membri tagħha approvaw numru ta’ reżoluzzjonijiet li jappellaw lill-Gvern u lill-Awtorità tal-Ippjanar biex jipproteġu l-patrimonju kulturali u l-ambjent Malti.
Fi stqarrija, l-għaqda qalet li qed titlob lill-Gvern biex il-politika dwar il-bini għoli tiġi riveduta u biex jiġi stabbilit master plan għall-pajjiż li jneħħi l-loopholes.
L-għaqda ssuġġerixxiet li peress li m'hemmx regolamenti dwar l-iżvilupp għall-bini għoli u l-infrastruttura tal-madwar, id-diskussjonijiet dwar is-suġġett għandhom jerġgħu jinfetħu.
Il-membri ta’ DLĦ qajmu t-tħassib tagħhom dwar kif il-Gvern naqas milli jipproduċi pjanijiet lokali. Appellat lill-Gvern biex jirrivedi l-politika rurali tal-2014.
L-għaqda qalet ukoll li l-Gvern irid jistabbilixxi wkoll pjan nazzjonali għall-immaniġġjar tal-ilma, skont kif kien imwiegħed mill-istess Gvern.
Waqt il-laqgħa, il-President ta’ DLĦ Maria Grazia Cassar esprimiet id-dispjaċir tagħha dwar il-mod kif l-arkitettura u l-istil tal-ħajja tal-Maltin kienu qed jinbidlu.