“Din is-sena se tkun sena oħra ta’ sfidi”

Matul id-diskors lil membri tal-Korp Diplomatiku, id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Toni Abela qal li din is-sena se tkun sena oħra ta’ sfidi permezz tal-Presidenza Ewropea li Malta se tkun qed taqsam flimkien ma’ 3 pajjiżi oħra.
Toni Abela fakkar kif matul is-sena li għaddiet, Malta organizzat żewġ avvenimenti importanti, il-Valletta Summit u l-laqgħa taċ-CHOGM.
Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista tkellem dwar is-sitwazzjoni fil-Libja u stqarr li Malta dejjem tkellmet fuq il-ħtieġa li tinstab soluzzjoni biex jieqfu l-kunflitti kull meta kien hemm iċ-ċans fil-fora internazzjonali.
Toni Abela qal li pajiżna jibqa’ favur il-pjan tan-Nazzjonijiet Magħquda għal-Libja.
Dwar l-immigrazzjoni u t-terroriżmu, Abela qal li rridu naraw li t-terroristi ma jieħdux vantaġġ mil-libertà tagħna għall-iskopijiet tagħhom u saħaq li hemm bżonn niġġieledu t-terroriżmu mhux biss permezz ta’ aktar sigurtà iżda permezz tal-kultura, l-edukazzjoni u l-qasam soċjali.