Din is-sena b’numru rekord ta’ ġurnalisti fil-ħabs 

F’rapport speċjali mħejji minn Elana Beiser għall-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti (CPJ) jirriżulta li f'din is-sena nkiseb rekord ġdid ta’ ġurnalisti li jinsabu l-ħabs.
Għat-tieni sena konsekuttiva l-ikbar għadd ta’ ġurnalisti fil-ħabs minħabba xogħolhom jinsabu fit-Turkija, fiċ-Ċina u fl-Eġittu. 
Ir-rapport jgħid li dawn it-tendenzi juru kif il-komunità internazzjonali falliet milli tindirizza l-kriżi globali tal-libertà tal-istampa. 
Fiċ-ċensiment li jagħmel ta’ kull sena, is-CPJ sab li din is-sena hemm 262 ġurnalist il-ħabs minħabba xogħolhom. Dan ifisser tliet ġurnalisti iktar mis-sena l-oħra. 51% tal-ġurnalisti jinsabu fl-agħar tliet pajjiżi li fihom persuna tista’ tkun ġurnalist. 
Minkejja li fit-Turkija ammont ta’ ġurnalisti kienu liberati, xorta jibqa' l-fatt li 73 ġurnalist jinsabu l-ħabs, 8 inqas mis-sena l-oħra.
Diversi huma dawk li qegħdin jistennew il-proċess quddiem il-Qorti, kif ukoll ma jonqsux arresti mill-ġdid. CPJ sabu li ħafna minn dawk li qegħdin jiġu investigati jew inkella akużati, qed jitressqu fuq krimini kontra l-istat. 
Fil-bidu tal-2016, it-Turkija bdiet ripressjoni fuq il-midja li aċċellerat wara l-kolp ta’ stat li falla f’Lulju tal-istess sena. Dakinhar il-Gvern Tork waħħal fl-organizzazzjoni mmexxiha mill-kjeriku Fetullah Gulen li eżilja ruħu fl-Amerika. 
Fost każijiet oħra fit-Turkija nsibu kif minn tal-inqas 19-il ġurnalist li kienu l-ħabs qed jistennew li jitressqu l-qorti, reġgħu ġew arrestati qabel ma ħallew il-ħabs. Filwaqt li l-imħallfa li ordnaw li jkunu liberati kienu sospiżi. Dan huwa wieħed mid-diversi eżempji ta’ ċensura fit-Turkija.
Fiċ-Ċina, hemm il-ħabs 41 ġurnalist. 
F’Novembru li għadda l-President Amerikan Donald Trump żar iċ-Ċina iżda ma għamel l-ebda referenza għar-ripressjoni li hemm għaddejja fuq ġurnalisti, attivisti u avukati fil-pajjiż. Apparti mill-pożizzjoni globali li minnha jgawdi l-President Ċiniż, Xi, l-Amerika bħalissa qed tfittex li terġa' tinnegozja ma’ Beijing dwar il-kummerċ, fid-dawl ta’ tensjonijiet għolja bejn l-Amerika u l-Korea ta’ Fuq.
F’Lulju li għadda, Liu Xiaobo, kittieb u attivist għad-drittijiet umani, li kien l-ewwel Ċiniż li ħa l-premju Nobel, miet b’kankru fil-fwied xahar wara li kien ingħata l-parole medika. Dan kien qajjem dubji dwar jekk meta kien taħt kustodja ngħatax kura adegwata.
Iċ-Ċina kienet irrifjutat li tibgħat lil Xiaobo barra mill-pajjiż biex jirċievi kura. 

Fl-Eġittu, l-għadd ta' ġurnalisti li jinsabu l-ħabs huwa ta’ 20, ħamsa inqas mis-sena l-oħra. Huwa rrappurtat li ħafna minnhom juru sintomi dgħajfa ta’ saħħa.
74% tal-ġurnalisti li jinsabu l-ħabs madwar id-dinja qegħdin jaffaċċjaw akkużi ta’ krimini kontra l-istat. Is-CPJ sab ukoll li diversi liġijiet li s-soltu jkunu użati f’każ ta’ terroriżmu li huma vagi ntużaw biex iwaqqfu lill-ġurnalisti kritiċi, milli jitkellmu. 
Fost l-affarijiet l-oħra li joħorġu miċ-ċensiment ta’ din is-sena nsibu li 8% tal-ġurnalisti fil-ħabs huma nisa, filwaqt li 87% minnhom qegħdin il-ħabs għax ħadmu fuq stejjer li jinvolvu l-politika. 
Iċ-ċensiment tal-ħabs skont kif inhu maħdum minn CPJ jinkludi biss dawk il-ġurnalisti li qegħdin fil-kustodja tal-gvern. Ma jiħux inkunsidirazzjoni ġurnalisti li nħatfu minn gruppi li mhux tal-istat. 
Is-CPJ jiddefinixxi ġurnalisti bħala nies li jaħdmu biex jirrappurtaw l-aħbarijiet jew inkella jikkummentaw dwar affarijiet pubbliċi fil-midja. Dan jinkludi midja stampata, ritratti, radju, televiżjoni kif ukoll onlajn. Iċ-ċens jinkludi biss dawk il-ġurnalisti li huma kkonfermati mis-CPJ, li qegħdin il-ħabs minħabba xogħolhom. Għalhekk in-numri ta’ CPJ jaf ikunu differenti minn ta’ organizzazzjonijiet oħra.  
Is-CPJ ilu jagħmel stħarriġ annwali dwar ġurnalisti li jispiċċaw il-ħabs sa mill-bidu tas-snin disgħin.