Din il-preżentatriċi llum tagħlaq 65 sena. Għaraftha?

Tiċċelebra għeluq il-65 sena tagħha l-preżentatriċi Josette Grech Hamilton li twieldet bħal-lum il-25 ta’ Ottubru tal-1955. Fir-ritratt tidher wara kompetizzjoni tal-kant li hija ħadet sehem fiha bosta snin ilu.

Fil-fatt qabel ma bdiet tippreżenta Josette kienet tkanta wkoll u żgur li ħafna jiftakruha tkanta wkoll is-sigla tal-programm popolari Sibtijiet Flimkien li fis-snin ta’ wara kienet tippreżenta flimkien ma’ żewġha Norman Hamilton.

Ħafna kienu dawk li jirreferu għal din il-kanzunetta bħala dik “tal-ħelikopter”.

Apparti l-kant Josette, fl-età ta’ 17-il sena, kienet ukoll ħadet sehem f’kompetizzjoni ta’ sbuħija u rebħet wieħed mill-premjijiet il-kbar.

Hija kienet ukoll tkanta ma’ Edwin Vella bħala d-duo The Links.

Kien fl-1973 li Josette bdiet tagħmilha ta’ announcer ma’ Radju Malta u eventwalment bdiet tidher ukoll fuq TVM.

Apparti fuq TVM, Josette ippreżentat ukoll programmi fuq Super One Radio u One TV, fosthom il-programm Bla Aġenda li hija kienet tmexxi darba fix-xahar.

Josette u Norman għandhom żewġ ulied bniet, Davinia u Yasmin.

Josette, Davinia, Norman u Yasmin Hamilton

Josette hija wkoll oħt il-kantant Ivan Grech.

Nawgurawlha l-isbaħ xewqat f’għeluq sninha.