Din il-kantanta llum tagħlaq 42 sena. Għaraftha?

Din tar-ritratt mhi ħadd ħlief il-kantanta Olivia Lewis, li llum qed tiċċelebra għeluq it-42 sena tagħha. Twieldet bħal-lum it-18 ta’ Ottubru tal-1978.

Olivia bdiet il-karriera fix-xena mużikali meta kellha tmien snin u ħadet il-lezzjonijiet tal-kant mingħand Phylissienne Brincat. Bdiet tkanta f’diversi festivals u ta’ 10 snin kienet mistiedna biex tkanta għall-emigranti Maltin f’Sydney u Melbourne.

Fl-1990 telgħet fuq il-palk bħala backing vocalist għal Phylissienne Brincat waqt il-Festival Kanzunetta Maltija u fis-snin ta’ wara bdiet tikkompeti fil-festivals bħala solista, fosthom L-Għanja tal-Poplu, il-Malta Song for Europe, Ilħna Ġodda u Konkors Kanzunetta Indipendenza. Fl-2007 irrappreżentat lil Malta fil-Eurovision bil-kanzunetta Vertigo.

Matul is-snin ħadet sehem ukoll f’bosta musicals bħal Pawlu 2000, Reġà Sebaħ, Is-Siegħa tal-Bdiewa, L-Għarusa tal-Mosta, Ineż Farruġ u Żeża tal-Flagship, kif ukoll id-dramm Is-Salib tal-Fidda.

Nawgurawlha l-isbaħ xewqat f’għeluq sninha.