Din il-kantanta llum tagħlaq 18-il sena. Għaraftha?

Awguri lill-kantanta Destiny Chukunyere li llum qed tiċċelebra għeluq it-18-il sena tagħha. Hija bint l-eks footballer Ndubisi Chukunyere, Niġerjan, u Alexia, li hija Maltija. Destiny għandha żewġ ħutha oħra, Melody u Isaiah.

Destiny ilha tkanta għal bosta snin iżda bla dubju li bdiet tagħmel isem għaliha nfisha wara li fl-2015 rebħet il-Junior Eurovision Song Contest bil-kanzunetta Not My Soul. Il-festival kien ittella’ f’Sofia fil-Bulgarija. Destiny rebħet dan il-festival b’rekord ta’ punti, b’kollox 15, u b’hekk kisret ir-rekord li l-kantanta Maria Isabel kienet kisbet fl-2004. F’Diċembru tal-istess sena Destiny ingħatat il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika.

Sentejn wara Destiny reġgħet għamlet ħoss ieħor hekk kif intagħżlet biex tieħu sehem fil-11-il edizzjoni tal-Britain’s Got Talent. Hija spiċċat fis-sitt post tat-tieni semi finali ta’ din il-kompetizzjoni iżda nqalgħet mill-kompetizzjoni. Hija l-ewwel Maltija li rnexxielha tasal daqshekk f’fażi importanti ta’ din il-kompetizzjoni televiżiva fl-Ingilterra.

Matul is-snin Destiny ħadet sehem f’diversi kompetizzjonijiet oħra fosthom il-Festival Kanzunetta Indipendenza, Asterisks Music Festival u SanRemo Junior fl-Italja.

My Destiny 18 yrs ago you made me a mother for the very first time .. seeing you grow into a beautiful x talented smart…

Posted by Alexia Chukunyere on Friday, August 28, 2020

Fl-2019 Destiny kienet ukoll il-backing singer ta’ Michela Pace għall-kanzunetta Chameleon fil-Eurovision Song Contest.

Din is-sena Destiny rebħet it-tieni edizzjoni tal-X Factor Malta u b’hekk kellha tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest li kellu jsir fRottererdam, fl-Olanda. Din l-edizzjoni tħassret minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Destiny issa hija kkonfermata biex tirrappreżenta lil Malta fl-edizzjoni tas-sena d-dieħla tal-Eurovision. Il-kanzunetta li biha se tieħu sehem għad trid titħabbar.

Nawguraw lil Destiny l-isbaħ xewqat f’għeluq sninha.