Din il-familja ġejja lura

F’dan il-perjodu aktar sensiliet televiżivi mill-imgħoddi qed jirritornaw fuq it-televiżjoni u fil-ġranet li ġejjin se tasal lura il-familja Sammut, protagonista tas-sensiela Issa Naraw ta’ Lino Farrugia.

Lino Grech, Anna Cachia, Michael Sciortino, Anna Concita Amato, Colin Azzopardi u Roberta Lepre huma l-protagonisti ta’ din is-sensiela tal-1996. Se jkunu qed jidhru wkoll Maryrose Mallia, Manwel Cassar, Ġorġ Micallef, John Suda, Mary Rose Bonello, Mary Grech, Mario Micallef, Lillian Pace, Joe Quattromani, Joe Bartolo, Sandro Micallef, Vanessa Magro, Abigail Mallia, Catherine Zammit, Maria Vella, Josephine Fuller Cole, Maryann Muscat, Anna Dalli, Jess Camilleri fost atturi oħra.

Kollox jiżvolġi fid-dar tal-familja Sammut fejn niltaqgħu mal-missier John li jidħol fi kriżi meta t-tliet uliedu jibdew jirribellaw… u biex tgħaxxaqha fl-ewwel episodju se jasal ukoll in-nannu!

Issa Naraw fiha 13-il puntata li tagħtina togħma tal-ħajja ta’ kuljum, kultant bis-serjetà … u kultant bi tbissima.

Din is-sensiela mistennija tibda tixxandar fuq TVM mit-Tlieta 19 ta’ Mejju fit-3pm b’ripetizzjoni dakinhar stess fil-11.35pm.

Is-sensiela jkollha ripetizzjoni fl-istess ġranet fuq TVM 2 fid-9.30pm, filwaqt li l-puntati kollha ta’ ġimgħa sħiġa jixxandru fuq TVM s-Sibt filgħodu mill-11.40am ‘il quddiem.