​“Din hija tattika tal-Mafja” – L-Arċisqof; Nikxfu grupp li jikkonfoffa kontra Newsbook

“Din hija tattika ta’ intimidazzjoni, din hija t-tattika li l-Mafja tużaha kontra l-għedewwa tagħha. Allura min irid jifhem jifimni”.
Dan il-kumment iebes għamlu l-Arċisqof Charles Scicluna waqt programm fuq RTK 103FM, meta mgħarraf li hemm siti soċjali li l-membri tagħhom jikkonfoffaw biex jikkordinaw attakki kontra Newsbook.com.mt u kontra membri tal-Knisja inkluż l-Arċisqof innifsu.
Newsbook.com.mt jinnota li din il-konfoffa mhux qed tirnexxi, tant li f’Jannar Newsbook.com.mt reġa’ kabbar ħafna l-udjenzi tiegħu fuq Jannar tas-sena l-oħra.
L-Arċisqof qal li hu għandu rasu fuq għonqu u allura ma jeskludix li jkun hemm din it-tattika jew strateġija. Huwa ddeskriva din it-tattika bħala parti mill-proċess ta’ dak li jsejħulu deleġittimazzjoni.
“Bħala parti minn din it-tattika” qal l-Arċisqof,  “lil dak li jkun tattakkah b’mod aħrax biex tneżżgħu minn kull dinjità. Meta inti tneżża’ lil xi ħadd mid-dinjità tiegħu, tista’ tkompli biex mhux biss tinjorah, imma tagħmel bil-maqlub li jgħid”.
Huwa qal li ma jaqtax qalbu meta tintuża din it-tattika kontra l-Knisja. “Din hija xi ħaġa li ġrat lil Ġesù. Jien min jien biex ma tiġrix lili? … U jien, lil min jattakka l-Knisja b’mod aħrax u b’kattiverja kbira, hekk ngħidlu, ‘Il-Mulej jagħtik ir-risposta ħabib’”.
Konfoffa kontra Newsbook.com.mt
Newsbook.com.mt irnexxielu jkollu aċċess għall-grupp ‘magħluq’ fuq Facebook bit-titlu ‘Laburisti sal-mewt’.
Diversi Laburisti li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt iddeskrivew dan il-grupp bħala grupp estremista li ma jagħmilx ġid għall-image tal-Partit Laburista.
F’dan il-grupp ċerta Marlene Xuereb tgħid li għandhom jikkummentaw “ax dardru lil kulhadd fejnu l-bot bovril.”
Justin Spiteri miż-Żejtun jikteb “iva pls ithlu u aqlawlhom it-tamal.”
Imbagħad Joseph Borg jassigura li “qlajnilhom izda min irrid ikompli jaqlalom.”

Carmen Gatt mill-Birgu awgurat li ta’ Newsbook “jifgaw f’demmom”. Is-sit huwa mimli insulti bħal “bott bovril”, “**rnut” “demel”, “indannati”, “patella”, “demm ħażin”  u litanija sħiħa ta’ kliem ħażin u oxxen li mhux ta’ min jirrepetih hawn.


Oħrajn li kkkummentaw b'dan il-mod fuq Newsbook kienu Carmen Felice minn Ħal Qormi u Maria Ziffa mill-Imsida. 

Newsbook.com.mt ikompli jissaħħaħ
Dawn l-attakki kordinati biex jiġi deleġittimizzat Newsbook.com.mt qegħdin ifallu bil-kbir.
F’Jannar 2018 l-għadd ta’ drabi li l-qarrejja daħlu fuq Newsbook.com.mt kien ta’ 42% aktar minn Jannar tas-sena l-oħra u l-għadd ta’ paġni li nqraw kien ta’ 38% aktar mis-sena l-oħra. 
Skont l-istatistika li tagħti Alexa.com, ditta internazzjonali li tippubblika kemm jinqraw websajts differenti, illum Newsbook.com.mt huwa t-tielet l-aktar websajt popolari f’Malta.