Dimostrazzjoni paċifika llum biex issir ġustizzja ma’ Lassana Cisse

Illum għandha ssir dimostrazzjoni paċifika sabiex issir ġustizzja ma’ Lassana Cisse, immigrant li nqatel f’Malta f’April tal-2019, qtil li ġie deskritt bħala wieħed ġej mir-razziżmu.

Din id-dimostrazzjoni hija mnebbħa mid-dimostrazzjonijiet u l-protesti li qegħdin isiru madwar id-dinja bħalissa, partikolarment fl-Istati Uniti wara l-qtil ta’ George Floyd, raġel iswed li fil-25 ta’ Mejju miet f’Minneapolis meta uffiċjal tal-pulizija dam tmien minuti u 46 sekonda jrażżnu billi jżomm irkopptu fuq għonq Floyd, anke wara li dan beda jgħid li ma jistax jieħu nifs. Persuni li nzertaw fit-triq ħadu filmat ta’ dak li kien qed jiġri, u qamet rabja kbira fost l-Amerikani għat-trattament tal-persuni suwed mill-Pulizija Amerikana.

L-erba’ uffiċjali tal-pulizija li żammew lil Floyd sakemm ħa l-aħħar nifs tiegħu ġew arrestati wara li saret pressjoni mis-soċjetà ċivili.

F’Malta, il-qtil ta’ George Floyd serva ta’ tfakkira ta’ qtil li sar b’mibegħda razzjali s-sena li għaddiet, li ħadd għadu ma ntbagħat il-ħabs dwaru. Lassana Cisse Souleymane, raġel ta’ 42 sena, inqatel fis-6 t’April fi triqtu lejn iċ-Ċentru tal-Immigranti f’Ħal Far fejn kien joqgħod.

Żewġ eks suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta, Lorin Scicluna ta’ 22 sena u Francesco Fenech ta’ 21 sena, qed jiġu akkużati bil-qtil, għal raġunijiet razzjali. Huma akkużati wkoll li ppruvaw joqtlu żewġ irġiel oħra, mexjin fl-istess triq li kien fiha Lassana, f’hit and run. Dawn iż-żewġ immigranti rnexxielhom isalvaw. Scicluna u Fenech ingħataw il-ħelsien mill-arrest f’Diċembru li għadda, sakemm jibdew il-proċeduri kriminali kontrihom fil-qorti.

Għalhekk, illum fis-6pm quddiem il-Parlament se ssir dimostrazzjoni sabiex tfakkar lil Lassana Cisse Souleymane, u l-fatt li għadha ma twettqitx ġustizzja miegħu. Id-dimostrazzjoni mhix se tkun protesta, minħabba l-ħtieġa li tinżamm id-distanza fiżika bejn in-nies minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Wieħed mill-organizzaturi, Yannick Yankam, qal lil Newsbook.com.mt li permezz ta’ din id-dimostrazzjoni, qegħdin jittamaw li jinbeda djalogu dwar ir-razziżmu li jeżisti f’Malta.

L-għaqda Moviment Graffitti ħeġġet lin-nies biex jattendu sabiex isemmgħu leħinhom u juru solidarjetà mal-immigranti li jipperikolaw ħajjithom bit-tama li jiksbu ħajja aħjar fuq id-dgħajjes, b’solidarjetà mal-immigranti li qattgħu 40 jum bejn sema u ilma fuq id-dgħajjes tal-Captain Morgan barra x-xtut Maltin, ma’ dawk li jinżammu fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, u dawk kollha li jesperjenzaw xi razziżmu jew mibegħda.

Kull min jattendi hu mħeġġeġ jieħu maskra miegħu.

❗It is encouraging to see so many people following and supporting the Black Lives Matter movement in the USA. We must…

Posted by Moviment Graffitti on Saturday, June 6, 2020